Internazzjonali

Russja: Luttu kbir għall-vittmi tat-terrur f’Moska….bil-Kremlin jibqa’ ma jirreferix għall-ISIS

Il-poplu tar-Russja qed josserva jum ta’ luttu fuq livell nazzjonali għall-qtil, kiesaħ u biered, ta’ 137 persuna li, fil-lejl tal-Ġimgħa, kienu qed jattendu għal serata ta’ kunċerti f’Moska….137 persuna li ħarġu għal lejl ta’ divertiment u li ma rritornawx lura d-dar wara li sfaw vittmi ta’ grupp ta’ irġiel li fetħu n-nar għal fuqhom f’kumpless ippakkjat bin-nies.

Il-bnadar kollha fir-Russja qed jittajjru mezz’asta, bl-awtoritajiet iħassru l-parti kbira tal-avvenimenti pubbliċi u bl-istazzjonijiet tat-televiżjoni jibdlu drastiment il-programmi li kienu skjedati minn qabel il-massakru.

L-armati li daħlu fil-kumpless tal-kunċerti bl-isem ‘Crocus’ kienu membri ta’ fergħa partikularment brutali tal-ISIS li qed topera b’mod indipendenti mill-bqija ta’ din l-organizzazzjoni terroristika li għandha t-taqsimiet madwar id-dinja.

Fl-attakk indarbu wkoll mal-140 persuna, bl-ISIS qed ikompli jinsisti li t-terrur twettaq min-nies tiegħu li kienu ilhom jippreparaw għal dik l-azzjoni qattiela.

Ir-Russja – u l-President Russu Vladimir Putin – sadanittant ma kkummentawx speċifikament fuq ir-rwol tal-ISIS avolja l-grupp ħareġ filmat iddettaljat li ttieħed waqt l-attakk u fejn wieħed mill-armati jidher biċ-ċar f’ħin meta qed jispara fuq in-nies, inklużi tfal.

Is-sorsi tal-media internazzjonali li analizzaw il-filmat, min-naħa tagħhom, qalu li ma raw l-ebda raġuni biex jindikaw li l-video jista’ hu wieħed ‘falz’ jew ‘imbagħbas’.

Intant, il-President Putin qed jgħid li l-erba’ irġiel li wettqu t-terrur jinsabu kollha taħt arrest huma u jgħinu lill-awtoritajiet Russi bl-istħarriġ. Putin u l-uffiċjali tal-Kremlin qed jidhru determinati li jwasslu l-messaġġ li ‘inqabdu l-qattiela kollha’ anki jekk ħadd ma jista’ jgħix biċ-ċert jekk kienx hemm aktar aggressuri li rnexxielhom jaħarbu wara l-massakru tal-Ġimgħa.

Putin, għall-ewwel darba s-Sibt, tkellem pubblikament dwar l-atroċità – l-akbar qtil tal-massa fir-Russja għal 20 sena – fejn ikkundanna ‘l-att barbaru ta’ terroristi mingħajr skrupli’. Min-naħa tagħha, l-Ukrajna għadha qed tirrifjuta l-akkużi u l-allegazzjonijiet tal-Kremlin li hi setgħet kienet involuta fl-attakk bħala ‘diskors bla sens u infondat’.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, fil-fatt, akkuża lil Vladimir Putin b’li qed jagħmel li jista’ biex jipprova jwaħħal il-ħtija għall-attakk fl-Ukrajna avolja jaf li dan hu ‘il bogħod mill-verità.

Hu saħaq li Putin, minflok ma ndirizza l-kriżi immedjatament malli sama’ bl-attakk, żamm lura għal jum milli jkellem lill-poplu tiegħu u waqt li hu kien qed jaħseb kif jista’ ‘iżeffen lill-Ukrajna fin-nofs’ għall-iskopijiet politiċi tiegħu,

Fl-istess ħin, l-osservaturi qed jissuspettaw l-aġir tar-Russja matul il-jiem ta’ qabel l-attakk u wara li l-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti żvela li kien wissa lil Moska dwar il-potenzjal ta’ attakk kbir mill-ISIS waqt l-avvenimenti kbar għall-pubbliku – inklużi l-kunċerti – fil-kapitali.

It-twissija ngħatat aktar kmieni dan ix-xahar u kienet injorata  — kif ukoll ikkundannata—mill-Kremlin bħala sempliċi propaganda,