Lokali

“Tajjeb illi bħala Gvern jieħu direzzjoni u jsir pjan fit-tul” – il-Kap Eżekuttiv tal-MDA

Tkompli l-kritika minn professjonisti għall-fatt li l-Gvern qed jonqos milli jħares ‘il quddiem u jagħmel pjan fit-tul. Din id-darba semma’ leħnu l-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi dwar l-infrastruttura f’pajjiżna.

Waqt intervista ma’ Andrew Azzopardi, Leon Chetcuti qal b’mod ċar kemm huwa importanti li l-Gvern jassigura li jkun hawn diskussjonijiet tant meħtieġa sabiex finalment ikun hawn pjan fit-tul.

“Hemm ħafna x’jista’ isir,” qal Chetcuti. “Mhux neċessarjament billi nżidu l-ispejjeż. Tajjeb illi bħala Gvern jieħu direzzjoni fejn jixtieq imur. Jekk hux se ngħollu l-kwalità jew jekk hux se nindirizzaw il-fordibbiltà. It-tnejn huma kwistjonijiet importanti iżda hemm bżonn ta’ iktar diskussjonijiet biex insibu triq ‘il quddiem u pjan fit-tul ta’ kif se nindirizzaw dawn l-affarijiet.”

Mill-bini li dejjem tiela’ bla ebda pjan, u toroq li jdumu x-xhur jinqalgħu għal darba, darbtejn, tlieta… telqa sħiħa f’dan is-settur. Ippjanar tal-infrastruttura ta’ pajjiżna inadegwata meta wieħed jikkunsidra l-mod kif splodiet il-popolazzjoni fl-aħħar snin meta l-Gvern ta’ Robert Abela għażel li il-pjan ekonomiku jieħdu fid-direzzjoni ta’ żieda essaġerata fil-barranin.

Bi stħarriġ wara l-ieħor li wera falliment totali tal-Gvern Laburista iżda Robert Abela jibqa’ ikaxkar saqajh sabiex ibiddel il-mudell ekonomiku.