Internazzjonali

Appell għall-privatezza wara ġimgħat ta’ spekulazzjoni

Il-Prinċep William u martu l-Prinċipessa Kate bagħtu messaġġ ‘mill-qalb’ biex jirringrazzjaw lill-pubbliku għas-solidarjetà u l-espressjonijiet ta’ imħabba li ma naqsux wara li l-Prinċipessa żvelat li hi qed tkun trattata għal forma ta’ kanċer.

Ir-ringrazzjament kien estiż lill-pajjiżi tal-Commonwealth u lill-pajjiżi tad-dinja — bil-koppja rjali, fl-istqarrija, jgħidu li jħossuhom ‘grati li l-pubbliku jifhem il-ħtieġa biex huma jgawdu ftit tal-privatezza fi żmien diffiċli għal kulħadd’.

Kien proprju fil-lejl tal-Ġimgħa li l-Prinċipessa qalet li qed tieħu t-trattament għall-kanċer u wara li kienet damet il-ġimgħat indisposta minħabba kirurġija f’żaqqha.

L-istqarrija tal-koppja rjali hi l-aħħar waħda li se toħroġ lill-pubbliku għal żmien mhux determinat. Dan meta l-osservaturi jqisu l-messaġġ bżala ‘ringrazzjament kif ukoll twissija bil-pulit li William u Kate (ritratt) jixtiequ li jibqgħu waħedhom għalissa’.

Is-sitwazzjoni – jew kundizzjoni — tal-Prinċipessa, fl-aħħar ġimgħat, kienet mira għal spekulazzjoni u għajdut fuq skala inkredibbli, bid-diskors partikulari jirrepetuh anki l-personalitajiet tal-media u mid-dinja tal-films  madwar l-Ewropa u fl-Istati Uniti.