Lokali

AĠĠORNATA: Raġel ta’ 28 sena fil-periklu tal-mewt wara inċident bil-mutur


Xuffier ta’ mutur jinsab jissielet għal ħajtu wara li kien involut f’inċident bil-mutur in-Naxxar.

Il-każ seħħ kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-06.45am, fi Triq Tul il-Kosta, in-Naxxar.

Il-Pulizija marret fil-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li żewġt irġiel ta’ 28 sena residenti San Pawl il-Baħar, kellhom bżonn l-assistenza wara li l-mutur li kienu fuqu, tal-għamla Aprilia SR125, kellu impatt ma’ roundabout fl-istess triq.

Huma ngħataw l-għajnuna minn tim mediku u ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza. Aktar tard ix-xufier kien iċċertifikat bi ġrieħi serji filwaqt li l-passiġġier ma kellux ġrieħi.

Il-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella ħatret inkjesta filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.