Lokali

Abela jiddeskrivi l-u-turn fuq id-difiża bħala “kompatibbli” ma’ dak li qal

Il-Prim Minsitru Robert Abela qed jinsisti mingħajr ebda tlaqliq li bejn dak li ilu jgħid tul dawn l-aħħar ġimgħat, ċioè kontra l-investiment fid-difiża tal-Unjoni Ewropea …u dak li ddeċieda favurih ftit tal-jiem ilu fi Brussell, huwa kien konsistenti.

Dan hekk kif it-Tnejn filgħodu meta mistoqsi mill-ġurnalisti għal liema raġuni f’Malta qal mod u fil-Kunsill Ewropew iddeċieda iswed fuq l-abjad mod ieħor, Abela saħaq li dan mhux minnu. Fl-azzjonijiet tiegħu hemm kompatibbiltà. Għalkemm fl-aħħar mill-aħħar, spiċċa ammetta magħna li hu ma oġġezzjonax għall-konklużjonijiet tas-summit, li ffukaw fuq aktar investiment fid-difiża.

Il-verità hi, li bejn il-biża’ li tul dawn l-aħħar ġimgħat ipprova jnissel fil-poplu Malti u Għawdxi kontra l-investiment fid-difiża – b’diskors deskritt minn bosta bħala wieħed partiġjan b’mod sfaċċat – għal dak li finalment baxxa rasu għalih matul il-jiem li għaddew, hemm kollox minbarra konsistenza.

Kien il-Ħadd 17 ta’ Marzu, meta fi skola fil-Qawra, Abela kien attakka b’insistenza lil min ried l-investiment fid-difiża.

Bl-aktar mod ironiku inqas minn ġimgħa wara, tela’ Brussell u vvota proprju favur mhux biss l-investiment fid-difiża …iżda fiż-żieda ta’ din in-nefqa.

Din hi turija ċara u evidenti li Robert Abela, għal darb’oħra, wettaq u-turn enormi – waħda li bħal u-turns preċedenti ma jridx jammetti li wettaq.

Minflok, qed jisħaq li ppreserva n-newtralità ta’ pajjiżna – fatt li bosta esperti u diplomatiċi qed jisħqu li  kien diġà ħa ħsiebu Gvern Nazzjonalista fit-Trattat tal-Unjoni Ewropea meta Malta saret stat membru – 20 sena ilu.

Fl-aħħar mill-aħħar, b’ammissjoni tiegħu stess – wara kampanja mil-Labour ibbażata fuq il-biża’ u l-firda – Abela ma oġġezzjonax għal aktar investiment fid-difiża.