Internazzjonali

Akkużati b’terroriżmu wara l-attakk tal-Ġimgħa

Erba’ rġiel tressqu l-Qorti akkużati b’terroriżmu wara li huma wettqu l-attakk tal-Ġimgħa f’teatru fil-kapitali Russa – attakk li ħalla 137 vittma, filwaqt li weġġgħu ‘l fuq minn 100 persuna.

L-irġiel li tressqu l-Qorti ġew identifikati bħala ċittadini tat-Taġikistan. Dawn l-irġiel ġew akkużati li daħlu fis-sala u bdew jisparaw fuq is-6,000 persuna li attendew għal dan il-kunċert rock, filwaqt li taw in-nar lit-teatru.

L-akkużati dehru deħlin fil-Qorti b’feriti li kienu evidenti wara li allegatament ġew msawwta mill-forzi Russi waqt l-arrest tagħhom. Wieħed mill-akkużati ittieħed il-Qorti f’siġġu tar-roti, filwaqt li ieħor deher b’borża tal-plastik ma’ rasu.

Il-grupp terroristiku ISIS ħa responsabbilità tal-attakk wara li xerred filmat ta’ dak li seħħ fil-Crocus City Hall.

Ir-Russi sostnew li dan l-attakk kien wieħed instigat mill-Ukrajna – akkuża li l-President Ukren Zelensky iddeskriva bħala waħda ‘assurda’.