Lokali Qorti

Anzjan mixli b’ħasil ta’ flus u frodi permezz ta’ logħob klandestin

Anzjan ta’ 71 sena min-Naxxar u li joqgħod San Pawl il-Baħar, ingħata l-pleġġ iżda xorta spiċċa eskortat lejn il-ħabs minħabba li ma sabx min jagħmillu tajjeb għal depożitu ta’ €20,000 wara li tressaq il-Qorti akkuzat b’ħasil ta’ flus li jlaħħqu mat-€300,000.

Michael Mifsud ġie akkuzat ukoll li offra servizz tal-logħob klandestin li jeħtieg liċenzja meħtiega maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Logħob. Il-prosekuzzjoni qalet li f’Diċembru ta’ 2020, il-Pulizija rċeviet informazzjoni li l-akkużat kellu xi diskrepanzi fil-kontijiet bankarji tiegħu.

Meta l-Pulizija għamlet investigazzjoni finanzjarja, fil-kontijiet bankarji ta’ Mifsud setgħet tinnota diskrepanza ta’ €250,000 li aktar tard telgħu b’madwar €60,000 oħra. L-Ispettur Keith Mallan li ressaq lil Mifsud qal li minn investigazzjonjiet ulterjuri, il-Pulizija rriżultalha li l-akkużat kien qed iwettaq logħob tal-ażżard illegali.

Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li l-akkużat hu pensjonant u d-dħul kollu li kien idaħħal ma kienx qed jiġi ddikjarat.  Għall-akkużi miġjuba kontrih, Mifsud wieġeb mhux ħati. Il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti toħroġ ordni ta’ qbid u ffrizar tal-assi u l-propjetajiet inkluż dawk f’idejn partijiet terzi, liema talba ġiet milqugħa mill-Maġistrat Marsanne Farrugia.

Hi ordnat li l-ammont li għandu jkun sekwestrat għandu jkun dak ta’ €300,000. L-avukat difensur Arthur Azzoppardi talab għall-ħelsien mill-arrest, bil-prosekuzzjoni ma toġġezzjonax iżda talbet li jekk it-talba tintlaqa’, il-kundizzjonijiet imposti għandhom jirrispettaw in-natura tal-akkużi, li huma serji.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet fit-tul dwar it-talba tad-difiża, il-Qorti laqgħet it-talba bil-kundizzjoni li jiddepożita l-karta tal-identità u l-passaport, jiffirma l-għassa tal-Qawra darbtejn fil-ġimgha, li jkun id-dar bejn nofs il-lejl u s-6am, u li terz garanti jagħmel tajjeb b’€20,000 depożituu garanzija personali ta’ €50,000.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li l-akkużat m’ghandux familja fuq min idur u għaldaqstant se ikun qed jinżamm arrestat fil-Facilità Korrettiva ta’ Kordin sakemm tinstab terza persuna li jagħmillu tajjeb b’€20,000. 

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Mallan u l-Avukat Andrea Zammit għall-Avukat Ġenerali. Għal Mifsud dehru l-Avukati Arthur Azzoppardi u Jacob Magri.