Sport Sport Ieħor

Futsal: Is-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena tkompli l-mixja pożittiva fil-Enemed Challenger League

9Ritratt: Joe Borg)

Fl-aħħar partita tal-Enemed Challenger League qabel il-bidu tal-play-offs, is-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena għelbu lis-selezzjoni l-oħra ta’ taħt it-18-il sena bl-iskor ta’ 2-1.

Din kienet logħba bejn żewġ selezzjonijiet taż-żgħażagħ li bla dubju huma l-futur tal-futsal Malti bil-konfront li rriżulta ferm bilanċjat u li ġie deċiż fl-aħħar żewġ minuti tal-logħba.

Is-selezzjoni ta’ taħt id-19-il sena kienu diġa’ kisbu post fil-play-offs u għalhekk użaw din il-partita bħala tħejjija għall-iktar logħbiet importanti.

Kien it-tim ta’ taħt it-18-il sena li mar fil-vantaġġ permezz ta’ Isaac Vella sabiex Ivin Gatt għamel l-iskor indaqs tliet minuti minn tmiem l-ewwel taqsima.

Is-selezzjoni ta’ taħt id-19-il sena skorjaw il-gowl tar-rebħa permezz ta’ Collin Sammut.
Ir-referees kienu Stefania Bonnici u Andrea Naudi.

Sadanittant saru magħrufa d-dati tal-konfronti tas-semifinali tal-Enemed Premier Futsal League fejn University of Malta ACJ Group se jaffrontaw lil Swieqi United filwaqt li ċ-champions Luxol jaffaċċjaw lil ŻRQ Bormla.

Dawn is-semifinali jintlagħbu fuq żewġ legs lejn l-aħħar ta’ April u l-bidu ta’ Mejju.

Mill-banda l-oħra, fl-Enemed Challenger League jintlagħbu l-kwarti tal-finali hekk kif is-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena tilgħab kontra Gżira United Santa Margherita filwaqt li Marsaskala Futsal għandhom impenn kontra Sliema Wanderers Futsal. Ir-rebbieħ ta’ dawn iż-żewġ konfronti jilgħab kontra Ta’ Xbiex Futsal jew Birżebbuġa St Peter’s Futsal.