Lokali Saħħa

Il-Gvern warrab kompletament is-saħħa mentali tal-Maltin u l-Għawdxin – PN

Is-settur tas-saħħa mentali spiċċa mwarrab kompletament mill-Gvern Laburista, tant li anke abbanduna wegħdiet elettorali li għamel u saħansitra rajna diversi u-turns. Fost l-oħrajn, wara l-wegħda ta’ sptar ġdid għas-saħħa mentali, fejn suppost erba’ xhur ilu qal li sab post għalih, issa l-Gvern mar lura għall-idea ta’ sala psikjatrika.

Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali, u mix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia, kif ukoll mill-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Norma Camilleri, li nnutaw ukoll iż-żieda fil-każi ta’ persuni li talbu l-għajnuna għas-saħħa mentali minn sena għall-oħra.

Il-kelliema qalu li hu inkwetanti kif saħansitra kien hemm każi ta’ suwiċidji fost żgħażagħ ta’ 14-il sena. Iżda quddiem dan kollu, in-nies mhux isibu biżżejjed għajnuna, iżda biss waiting lists li ma jispiċċaw qatt u swali fl-Isptar Monte Karmeli li ilhom magħluqin għal diversi snin.

Il-kelliema fakkru li l-Partit Nazzjonalista hu mħasseb ħafna bir-rapport inkwetanti ta’ ftit tal-jiem ilu, li juri li ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin huma l-anqas kuntenti fl-Unjoni Ewropea. Quddiem dan kollu, il-Gvern Laburista qed ikompli jniżżel il-livell tal-kura tas-saħħa mentali u ta €400 miljun lil tal-Vitals u Steward minflok ma investihom f’saħħet il-poplu. Barra minn hekk, il-mediċini ġodda mhumiex jiżdiedu, minkejja wegħdiet f’diversi budgets.

Il-Gvern ta’ Robert Abela mhux talli qed jinjora lil dan is-settur, iżda warrbu kompletament. Kawża ta’ dan, hemm aktar minn 40,000 persuna li qed jirrikorru għal għajnuna fis-settur pubbliku, f’dik meqjusa bħala emerġenza nazzjonali, kif ukoll nuqqas ta’ konsultazzjoni ma’ diversi entitajiet.

Il-kelliema fakkru wkoll li hemm ħafna fatturi li jaffettaw is-saħħa mentali, fosthom in-nuqqas ta’ spazji ħodor u t-traffiku. Hu għalhekk li, bħala pajjiż, għandna bżonn nindirizzaw dak kollu li qed jaffettwa lis-saħħa mentali. Quddiem dan kollu, il-Partit Nazzjonalista diġà ppreżenta dawn il-proposti:

1. Jinbena sptar ġdid għall-kura tas-saħħa mentali qrib l-Isptar Mater Dei.

2. Naraw li jitkompla x-xogħol ta’ rinnovar fl-Isptar Monte Karmeli.

3. Naraw li l-kura fis-saħħa mentali tingħata fuq livell u b’mod ta’ kif jiġu trattati kundizzjonijiet oħrajn.

4. Ninvestu fil-formularju tal-medicini b’mediċini ġodda li qed jingħataw diġà fis-suq u li nafu li joffru livell ta’ kura aħjar.

5. Noħolqu pjan ta’ edukazzjoni biex negħlbu l-istigma marbuta ma’ nies li jbatu minn din il-kundizzjoni.

6. Noħolqu programm ta’ għarfien li jingħata f’livelli differenti fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna dwar kif tinduna u tfittex l-għajnuna.

7. Nintegraw il-kura u t-trattamenti li jingħataw fis-sistema tas-saħħa mentali fil-kliniċi u fil-bereġ madwar pajjiżna biex negħlbu l-istigma.

8. Isir programm ta’ assessjar fi studenti u l-ħaddiema kollha ta’ pajjiżna biex b’eżaminazzjoni jkunu jafu jekk humiex qed ibatu minn xi kundizzjoni relata mas-saħħa mentali.

9. Ninvestu fir-riżorsa umana fil-kliniċi u fl-isptarijiet tagħna.

10. Ngħinu għaqdiet volontarji biex jinvestu aktar f’dan is-settur.

11. Insaħħu l-metodi biex nies fi kriżi jistgħu jirrikorru immedjatament għall-għajnuna bit-telefon, online jew fiżikament.

12. Nintroduċu ‘safe spaces concept’ f’binjiet kbar jew pubbliċi meta wieħed iħossu mhux komdu jew li jrid ftit ħin għalih mingħajr distrazzjoni.