Lokali Qorti

Il-każ kontra Silvio Grixti b’rabta mar-racket tal-benefiċċji soċjali mistenni jinstema’ t-Tlieta

Il-każ kontra l-Eks Membru Parlamentari Laburista Silvio Grixti mistenni jinstema’ t-Tlieta f’nofsinhar fil-Qorti, u dan b’rabta mar-rwol tiegħu fir-racket tal-benefiċċji soċjali. Huwa diġà  tressaq il-Qorti b’ċitazzjoni nhar il-Ħamis li għadda, bil-Maġistrat Leonard Caruana jirrinunzja li jisma’ l-każ wara li kien qal li sar konxju dwar ċerti proċeduri.

Il-partijiet kienu qalu lill-Qorti li kellhom fiduċja fil-Maġistrat Caruana li jisma’ l-każ hu. Grixti kien tressaq il-Qorti b’ċitazzjoni u mhux b’arrest, u anke f’jum tat-Tlieta, 26 ta’ Marzu għandu jattendi l-Qorti waħdu u mhux taħt arrest.

Grixti, ta’ 49 sena, tabib tal-familja miż-Żejtun, qed jiġi mixli li kien jifforma parti minn grupp kriminali, u li wettaq frodi, li ffalsifika dokumenti, għamel dikjarazzjonijiet foloz, ħasil ta’ flus u li xtara propjetà meta kien jaf li kienet ġejja minn attività kriminali. Il-prosekuzzjoni qed titlob lill-Qorti biex jittieħdu wkoll il-warrant ta’ tabib.

Tressqu diġà diversi persuni b’rabta ma’ dan il-frodi li ħafna minnhom semmew lit-tabib Grixti bħala wieħed minn dawk li allegatament kien jikkoordina ma’ Ministri oħra tal-Gvern, canvassers u persuni oħra viċin il-Partit Laburista, biex jinħarġu benefiċċji soċjali għal mard li ma jeżistix fuq dawn il-persuni.

Il-frodi rat lill-applikanti jirċievu ħlasijiet fix-xahar ta’ madwar €450 mid-dipartiment tas-sigurtà soċjali. Issemma wkoll fil-Qorti li dan ir-racket kemm il-darba sar minn Kastilja, fejn kienu jiggwidaw lin-nies biex jiksbu dawn il-benefiċċji.

Ħafna mill-persuni qed jammettu fil-Qorti li wettqu frodi fil-benefiċċji soċjali u diġa’ hemm numru sew minnhom li semmew lil Grixti bħala l-persuna li rranġalhomn biex jieħdu benefiċċji li ma ħaqqhomx. Huwa maħsub li madwar 800 persuna rċevew €450 fix-xahar f’dan ir-racket. Hemm minnhom li qalu li kienu qed jaħsbu li din l-iskema kienet waħda ġenwina, u dan għaliex min kien qed jorganizza din l-iskema tahom din l-informazzjoni.

L-aktar ċertifikati komuni kienu jsiru għall-kundizzjoni tal-epilepsija. B’din il-kundizzjoni wieħed lanqas jista’ jsuq karozza, u li ħafna minn dawn marru l-Qorti għall-kawża bil-karozza tagħhom stess. Dawn iċ-ċertifikati kienu jsiru wkoll fuq ismijiet ta’ tobba li lanqas biss jafu lil dawn “il-pazjenti” u kemm-il darba sostnew li ma kinux huma li għamlu ċ-ċertifikati, li jfisser li xi ħadd qarraq bil-firem.

Sindku Laburista involut ukoll?

Dan kollu diġà ħareġ fil-Qorti quddiem diversi Maġisrati li quddiemhom tressqu għadd ta’ persuni li semmew lil Grixti u oħrajn li kienu qed jirranġawlhom biex jingħataw benefiċċji li ma kienx ħaqqhom jieħdu.

Net News jinsab infurmat li anke kanvassers ta’ Eks Ministri Laburisti mistennija jitressqu l-Qorti fil-futur qrib fuq ir-racket tal-benefiċċji soċjali. Qed jissemma’ wkoll Sindku Laburista li ġie interrogat mill-Pulizija, u mistenni wkoll jitressaq il-Qorti.

Grixti, mistenni jkun mixli fuq ċirku vizzjuż (racket) li dam għaddej għal ħafna snin biex mijiet ta’ nies jirċievu l-benefiċċji soċjali ta’ persuni b’diżabbilità severa ta’ kull xahar li ma kinux intitolati għalihom. Huwa mistenni jiġi mixli li kien wara din l-organizzazzjoni qarrieqa.

It-tabib Grixti kien irriżenja mill-Parlament fl-2021.  Grixti, li dak iż-żmien kien deputat Laburista, allegatament kien jagħti lin-nies envelope li kien fih dokumenti mediċi ċċertifikati minn diversi konsulenti Maltin, ilkoll jgħidu li eżaminaw lill-applikant għall-benefiċċju u sabu li qed isofri minn diżabbilità severa.

Sabiex jikkwalifikaw għall-benefiċċji soċjali, dawk li jagħmlu t-talba jkollhom bżonn jipprovdu ċertifikazzjoni jew minn newrologu jew psikjatra. Ikun hemm bżonn ukoll prova li min jagħmel it-talba għal diżabbilità wettaq dak li hu magħruf bħala electroencephalogram, test speċjalizzat biex titkejjel l-attività fil-moħħ.

Dawn id-dokumenti kollha jidhru li ġew iffalsifikati bħala parti mir-racket, li kibret matul is-snin. L-ispeċjalisti mediċi msemmija fid-dokumenti – li jinkludu newroloġisti tal-Isptar Mater Dei u professjonisti mediċi oħra – qalu lill-investigaturi tal-Pulizija li qatt ma raw il-pazjenti li suppost kienu ċċertifikati, aħseb u ara li ffirmaw dokumenti li jgħidu li jbatu minn diżabbilità severa.

Il-pakkett ta’ dokumenti ffalsifikati, ippreżentat lid-dipartiment tas-sigurtà soċjali, kien jinkludi anke dikjarazzjoni falza ta’ Transport Malta li tgħid li min jagħmel it-talba kien ċeda l-liċenzja tas-sewqan tiegħu jew tagħha, li hija rekwiżit għal persuni li jbatu minn attakki epilettiċi frekwenti.

Uħud mill-applikanti għal diżabbilità, li jinkludu uffiċjal tal-pulizija, ikkonfermaw mal-investigaturi li d-dokument ta’ Transport Malta kien iffalsifikat ukoll, peress li qatt ma ċedew il-liċenzji tas-sewwieq tagħhom. Uffiċjali ta’ Transport Malta bl-istess mod qalu lill-Pulizija li d-dokumenti tat-teħid tal-liċenzja kienu ffalsifikati.

Dawk li jagħmlu t-talba għal diżabbilità qalu lill-investigaturi li d-dokumenti ffalsifikati mbagħad jiġu evalwati minn bord mediku tal-gvern, li jwettaq intervista fil-fond mar-rikorrent biex jiżgura li kollox ikun tajjeb mal-applikazzjoni tagħhom. F’xi każijiet, dawk li jagħmlu t-talba jgħidu li l-intervista tal-bord mediku damet “ħames minuti”.

Għal Grixti qed jidher l-Avukat Franco Debono,