Lokali Qorti

Iż-żgħażagħ mixlijin b’pusses ta’ droga twaqqfu f’roadblock minħabba pjanċi tal-kartun

Il-kumpilazzjoni dwar tliet żgħażagħ li fil-karozza li kienu fiha nstabu 93 qratas ta’ droga eroina u kokaina u sustanza tad-droga cannabis, bdiet quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo u rriżulta mix-xhieda tal-prosekuzzjoni, li l-karozza inkwistjoni twaqqfet minħabba li kellha n-numru tar-reġistrazzjoni tal-kartun.

Iż-żgħażagħ kienu oriġinarjament erbgħa meta tressqu l-Qorti, imma waħda minnhom ta’ 14-il sena, se jkollha l-każ tagħha mismugħ quddiem il-Qorti tal-Minorenni. Il-prosekuzzjoni qed tgħid li kienu qed iġorru droga u armi illegali meta l-karozza tagħhom tal-kiri twaqqfet f’roadblock tal-pulizija fil-Marsa.

It-tfajla ta’ 14-il sena kienet ingħatat il-pleġġ, kienet it-tifla ta’ 14-il sena, fuq garanzija personali ta’ €5,000 u li tiffima darbtejn fil-ġimgħa fl-għassa tal-Pulizija. Il-proċeduri fil-Qorti bdew kontra Sheridan Lee Grech ta’ 25 sena minn Bormla, Nicole Micallef li hi ‘nail technician’ ta’ 24 sena mill-Imsida, u ħaddiem fi stamperija Mattheas Borg ta’ 20 sena minn Ħal Luqa.

Is-Surġent Shaun Asciaq qal fil-Qorti li r-raġuni li sar ir-road block kien li l-karozza Suzuki Baleno kienet qed tiġi misjuqa bil-pjanċi tar-reġistrazzjoni tal-kartun. Qal li xħin il-Pulizija waqqfu lill-akkużati, fil-karozza kien hemm riħa qawwija ta’ ħaxixa.

Xehed ukoll l-Ispettur Mark Cremona, wieħed mill-uffiċjali li investiga l-każ. Hu qal li fil-11 ta’ Marzu għall-ħabta tat-3pm, saru spezzjonijiet fi Triq Żerafa fil-Marsa. Waqt l-istess spezzjonijiet, il-pulizija innutaw vettura bin-numru ta’ reġistrazzjoni ta’ quddiem mgħotti b’kartuna u għalhekk twaqqfet bis-sewwieq ordnat jitfa’ fil-ġenb.

Malli twaqqfet il-vettura, il-pulizija setgħet tinnota riħa qawwija ta’ ħaxixa. L-Ispettur qal ukoll li s-Surġent Asciaq li kien fuq il-post, tkellem max-xufier tal-vettura, Sheridan Grech, u minn tfittxijiet preliminari, il-pulizija stabbilixxiet li fil-karozza kien hemm oġġetti illegali u sustanza suspettata kokaina.

Is-Surgent Shaun Axiak spejga li d-droga nstabet fuq is-seat ta’ wara tal-vettura u aktar droga nstabet waqt tfittxija personali li saret fuq Grech, meta l-akkuzat ħareġ borża b’sustanzi kannella u bojod mill-qalziet ta’ taht.

Sostna li saret ukoll tfittxija personali fuq l-erba’ akkużati, bix-xufier jinsab li kellu pouch iswed, li fih kellu ponn tal-plastik iswed, grinder kif ukoll sustanza ħadra. Ix-xufier ittieħed l-għassa tal-Marsa u min jeddu għadda borża, suspettata eroina u kokajina.

Fil-pussess tiegħu kellu wkoll flus kontanti li ammontaw ghal €235 fi flus kontanti. Il-Pulizija kompliet tfittex fir-residenza ta’ Grech f’Bormla u sabet sitt mobiles, pepper spray u erba’ grinders fil-kamra tieghu. L-ispettur Cremona qal ukoll li saret tfittxija fuq Matthias Borg, li ma kellu xejn illegali fuqu però fil-pouch kannella tiegħu kellu taser gun, ponn tal-ħadid, mobile u €77 fi flus kontanti.

Huwa kompla jgħid li fil-vettura kien hemm ukoll żewġ tfajliet, waħda minnhom ta’ 14-il sena. Qal li fil-pussess tagħhom kif ukoll fir-residenza tagħhom fil-Belt Valletta u l-Imsida ma nstab xejn illegali. L-Ispettur Cremona żied jgħid li meta saret tfittxija fil-vettura, fuq is-seat ta’ wara nstabet droga illegali u l-karozza ttieħdet Ta’ Kandja, fil-compound tal-Pulizija għal aktar stħarriġ.

Qal li fi stadju bikri, il-pulziija setgħet tikkonferma li d-droga suspettata kienet kokaina u eroina li ammontaw għal 41 qartas fil-karozza, u 52 qartas fil-pussess ta’ Sheridan Lee Grech. Fl-istqarrija Borg u Grech għażlu li ma jweġbux għad-domandi li saru mill-pulizija.

Xehdet ukoll l-ispettur Sarah Kathleen Zerafa, li flimkien mal-Ispettur Cremomna investigaw il-każ. Hi qalet li wara li l-pulizija bdiet tagħmel spezzjonijiet fuq vetturi fil-Marsa, vettura Suzuki Baleno blue twaqqfet u l-pulizija setghet tinnota borża trasparenti b’sustanzi bojod u kannella.

Qalet li l-akkuzati ġew arrestati fil-post u ttieħdu fil-lock up tal-Pulzija. L-Ispettur qalet ukoll li fl-istqarrija, Nicole Micallef tkellmet mingħajr il-preżenza tal-avukat u kkonfermat li it-taser torch kien tagħha u li kienet qed iżżommu minħabba kwistjonijiet li kellha mal-eks partner ta’ ommha.

L-avukat Edward Gatt qal li minkejja f’dan l-istadju ma nidħlux fil-mertu tar-reat, mix-xhieda ħareġ li l-Qorti tista’ tingħata li ma nstabet l-ebda sustanzi illegali fuq it-tfajla ta’ 24 sena. Qal li persuni li huma ferm aktar magħrufa u li allegatament wettqu reati ta’ natura aktar gravi, f’dan l-istadju jingħataw il-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-imputata m’għandhix impjieg. Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest ta’ Nicole Micallef bil-kundizzjoni li tiddepożita l-karta tal-identità u l-passaport, tiffirma l-għassa ta’ Ta Sliema kuljum bejn it-8am u t-8pm, tiddepożita €2,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Hija ġiet ordnata wkoll li ma toħroġx qabel it-8am u li tkun id-dar sal-11pm.

L-avukati difensuri Franco Debono u Jacob Magri talbu għall-ħelsien mill-arrest ta’ Grech u Borg, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa kollha minħabba li Grech ma jaħdimx, għandu każijiet oħra pendenti, in-natura gravi tar-reat, u x-xhieda pajżana li għad iridu jixhdu.

Id-difiża qalet li l-provi huma preservati u qalet ukoll li l-ammont ma jaqax taħt gravità u li dan huwa każ fejn il-Qorti tista’ tinbidel f’Qorti tad-droga. Għal Borg, l-avukat Magri qal li fil-pussess tiegħu ma nstab li kellu l-ebda sustanza illegali u m’hemmx biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi.

Il-Qorti aktar tard laqhgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fil-konfront ta’ Grech fuq depożitu ta’ 3,500 ewro u jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija tal-lokal tiegħu. Il-Qorti għad trid tiddeċiedi fil-konfront ta’ Borg. Il-kaz ikompli f’April.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark Cremona u Sarah Kathleen Zerafa, waqt li għall-akkużati dehru l-Avukati Jacob Magri, Franco Debono u Edward Gatt.