Internazzjonali

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti japprova riżoluzzjoni li titlob għal waqfien mill-ġlied immedjat f’Gaza

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti approva riżoluzzjoni għal waqfien immedjat tal-ġlied f’Gaza. Ir-riżoluzzjoni ġiet approvata b’14-il vot favur. Kienet l-Amerika biss li astjeniet – iżda fl-aħħar mill-aħħar, il-veto ma ntużax.

It-text tar-riżoluzzjoni kien ċar ħafna dwar waqfien mill-ġlied immedjat – ceasefire. Kif talab ukoll fl-aħħar ġimgħat anke l-Parlament Ewropew.

Fil-fatt, il-President Roberta Metsola kienet imfaħħra mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres għaliex il-Parlament Ewropew kien l-ewwel istituzzjoni li sejjaħ għal ceasefire u l-paċi fir-reġjun.

L-istess bħat-talbiet li għamel il-Parlament Ewropew, anke din ir-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti issemmi l-ħelsien immedjat tal-ostaġġi. Dan apparti li għandha tingħata l-għajnuna umanitarja neċessarja – li tant hija bżonjuża.

Il-Kunsill tas-Sigurtà li tlaqqa’ kmieni filgħodu fi New York, kien qed jitlob sabiex il-ġlied jieqaf fil-Medda ta’ Gaza għal żmien ir-Ramadan. Imbagħad, ikun hemm waqfien mill-ġlied permamenti li jkun “sostenibbli”.

It-text ta’ din ir-riżoluzzjoni tfassal mill-pajjiżi li mhumiex permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà; fosthom Malta. F’isem pajjiżna, ivvutat ir-rappreżentanta Maltija Vanessa Frazier.