Internazzjonali

Ir-Russja: Imbiċċrin u torturati …it-terroristi ta’ Moska suġġetti għall-‘ewwel proċess tal-ġustizzja’ wara l-massakru

Filwaqt li l-poplu fir-Russja qed jipprova jistejqer mill-aktar attakk qattiel fuq skala massiċċa għal dawn l-aħħar għoxrin sena, l-awtoritajiet fil-pajjiż ressqu akkużi dwar terroriżmu fil-konfront ta’ erba’ rġiel li qed jingħad li, nhar il-Ġimgħa, assedjaw kumpless tal-kunċerti ppakkjat bin-nies f’Moska fejn ħallew l-għexieren ta’ mejtin u feruti.

Il-mejtin mill-attakk, fl-aħħar sigħat, telgħu għal 140 u r-Russja baqgħet ma ħarġitx stqarrija uffiċjali biex teskludi l-possibbiltà ‘tas-sehem tal-Ukrajna fid-dmija’. Dan diversi jiem wara li l-grupp terroristiku ISIS kien assuma ċar u tond ir-responsabbiltà permezz ta’ stqarrija u filmat assoċjat mal-massakru,.

L-erba’ allegati terroristi – ċittadini tat-Taġikistan – li tressqu l-qorti, qabel, għaddew minn sessjoni ta’ interrogazzjoni brutali li matulha ssawtu bla ħniena  u anki dehru fil-pubbliku bil-marki tat-tortura. Ir-rapporti qalu li wieħed mill-arrestati ngħata x-xokkijiet tal-elettriku waqt l-interrogazzjoni, b’arrestat ieħor jiddaħħal b’wheelchair fil-bini tal-qorti fejn inqrawlu l-akkużi.

Intant, il-filmat dettaljat li ħarġu l-ISIS – u li fih jidhru l-aggressuri qegħdin jisparaw fuq in-nies ippakkjati fl-awditorjum tas-sala mimlija bil-familji u t-tfal – qed jissejjaħ bħala wieħed ġenwin minn diversi sorsi tal-istampa, fosthom il-BBC fir-Renju Unit.

Madankollu, l-ebda uffiċjal Russu ma rrefera speċifikament għall-ISIS fid-diskors dwar il-massakru. Dan waqt li l-Kelliem Ewlieni tal-Kremlin, Dmitry Peskov, qal li ma jkunx xieraq jekk l-Istat jikkummenta b’mod uffiċjali qabel ma tikkonkludi l-investigazzjoni.

Intant, wieħed qed jistenna l-pass konkret li jmiss mill-Kremlin wara l-atroċità tal-Ġimgħa bil-lejl meta erba’ irġiel armati sa snienhom daħlu fil-kumpless ‘Crocus’ fi Krasnogorsk, subborg tal-kapitali, u qabdu jisparaw kiesah u biered fuq xi 6,000 ruħ preżenti għal kunċert tal-mużika Rock. L-aggressuri anki taw in-nar lill-kumpless u bir-riżultat li s-saqaf tal-kumpless sfronda direttament għal fuq in-nies.

Il-midruba fl-inċident qabżu sew il-100 u l-erba’ irġiel li tressqu l-qorti lbieraħ kienu spiċċaw arrestati – xi 14-il siegħa wara l-massakru –mis-servizzi tas-sigurtà Russi fir-reġjun ta’ Bryansk.

Sadanittant, l-uffiċjali f’Moska ilhom l-aħħar tlett ijiem isostnu li l-aggressuri kienu ‘ingħataw l-għajnuna mingħand l-Ukrajna’. Dan seħħ, skont huma, bħala parti minn pjan li kellu jippermetti biex it-terroristi jaħarbu mir-Russja lejn l-artijiet ladarba jikkonkludu l-azzjoni qattiela.

L-uffiċjali Russi ma ressqu l-ebda provi għall-akkużi waqt li Adrienne Watson, il-kelliema għall-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti, enfasizzat li l-ISIS hu ‘mija-fil-m,ija’ responsabbli għall-attakk f’Moska u li l-attakk sar mingħajr l-ebda sehem mill-Gvern Ukren.