Lokali Qorti

Joseph Muscat iċedi l-kawża li permezz tagħha ried iwaqqaf Maġistrat milli tinvestigah

Joseph Muscat ċeda l-kawża li kien fetaħ biex iwaqqaf il-Maġistrat inkwirenti milli tinvestigah kriminalment dwar il-bejgħ frawdolenti tat-tliet sptarijiet Maltin. Sadanittant, fil-Qorti Muscat fetaħ kawża ġdida.

Qal li huwa għamel dan fuq parir tal-avukati tiegħu u li għamel hekk għax skont hu kien jeħtieġ li l-ewwel iwaqqa’ dik preżenti biex jiftaħ kawża ġdida kontra l-Avukat tal-Istat u l-Avukat Ġenerali. Skont hu, dak li ried jippreżenta l-Qorti, l-Avukat tal-Istat flimkien mal-Għaqda Repubblika kienu qegħdin kontinwament jopponu.

Muscat qal ukoll li r-rappreżentanti tal-Għaqda Repubblika xehdu li hu qatt ma ġie indikat minnhom biex issir investigazzjoni kontrih fit-talba li għamlu biex tinfetaħ inkjesta dwar l-isptarijiet. Muscat reġa’ attakka lill-Maġistrat Gabriella Vella, fejn qal li din ma rrikużatx ruħha wara l-kummenti li missierha u ħuha għamlu fil-konfront tiegħu u l-konċessjoni tal-isptarijiet, u xorta waħda għażlet li tinvolvih u tibgħatlu l-pulizija d-dar.

L-Eks Prim Ministru qed jgħid li ma kellux triq oħra li jiftaħ kawża ġdida, u dan skont hu għaliex jemmen li s-saltna tad-dritt hija hemm għal kulħadd, u li jrid jippreżenta l-aħjar prova mill-Inkjesta Maġisterjali fejn tenna li qed jinkisrulu d-drittijiet fundamentali.

L-NGO Repubblika f’kumment li għamlet qieset dan il-pass bħala – “Rebħa storika!” L-ex President tal-Għaqda Repubblika Robert Aquilina qal f’post li tella’ fuq Facebook – “Joseph Muscat ġie dahru mal-ħajt u ċeda l-kawża li kien fetaħ biex iwaqqaf maġistrat inkwirenti milli tinvestigah kriminalment dwar il-bejgħ frawdolenti ta’ tliet sptarijiet Maltin.

“Stennew tentattivi oħra mill-prim korrott biex jipprova jaħrab mill-ġustizzja. Jagħmel tenttivi kemm irid. Lilna ser isibna nifqulu. Grazzi lill-Avukat li assistina b’tant ħila f’dan il-każ u lilkom li appoġġjajtuna.” qal in-Nutar Aquilina.