Futbol Sport

L-aħħar kummenti ta’ Marcolini qabel il-partita ta’ Malta kontra l-Belarus

Marcolini se jagħmel xi erba’ tibdiliet għal-logħba ta’ għada kontra l-Belarus. Lejliet ta il-logħba ta’ ħbiberija li Malta se tilgħab fl-Istadium Nazzjonali kontra l-Belarus, il-kowċ tat-tim nazzjonali Michele Marcolini qal li se jkun qed jagħmel xi erba’ jew ħames tibdiliet għal din il-logħba.Huwa qal li ma jemminx f’ħafna tibdiliet f’daqqa għaliex ħafna tibdil ikun kontr produċenti anki għall-istess plejers. Marcolini qal li jistenna prestazzjoni oħra tajba llum kontra avversarji li huma b’saħħithom fiżikament u li jokkupaw il-100 post fir-rankings. Pero huwa kien konvint li Malta se tkompli turi l-progress li wriet fl-aħħar logħbiet.

Dwar plejers ġodda hu qal li l-bieb tat-tim nazzjonali hu miftuħ għal kulħadd. Hu u l-istaff tiegħu isegwu l-logħbiet kollha tal-Premier u jinnutaw il-progress u l-prestazzjonijiet tal-plejers kollha eliġibbli li jilagħbu għal Malta. Hu kellu tifħir għall-kontribut li taw fid-debutt tagħhom kemm Nevin Portelli kif ukoll Lonardelli fejn qal li wrew determinazzjoni u spirtu kumbattiv, fejn qal li l-impoenn tal-plejers Maltin hekk irid ikun kemm f’logħbiet kompetittivi u anki f’logħbiet ta’ ħbiberija.Mistoqsi dwar il-mixja tat-tim nazzjonali taħt it-tmexxija tiegħu, hu rrikonoxxa li l-bidu kien diffiċli mhux biss għalih, iżda anki għall-plejers li kellhom ukoll bidla fl-istaff tekniku.

Qal li l-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2024 kien fost l-iktar iebsa, u dan kompla għamel is-sitwazzjoni iktar diffiċli. Marcolini saħaq li kull ħaġa ġdida trid iż-żmien tagħha u mat-tim nazzjonali l-amalgamazzjoni mal-plejers tieħu iktar milli wieħed jistenna f’livell ta’ klabb.Pero hu jinsab ferm kuntent bil-plejers tiegħu, fejn qal li issa kullħadd qed jifhem iktar lil xulxin u hemm għaqda kbira fl-iskwadra u dan qed iħalli l-frott mixteieq.

Tkellem ukoll Joseph Mbong li kontra s-Slovenja ma lagħabx fil-pożizzjoni naturali tiegħu iżda kien xorta waħda fost l-aħjar fil-grawnd. Mbong qal li fin-nuqqas ta’ Ryan Camenzuli li soltu jilgħab fuq ix-xellug, il-kowċ kellmu dwar il-ħsieb li juża lilu fuq dik in-naħa. Mbong stqarr li ma tantx kien kuntent dwar dan għax ma jieħux gost jilgħab kobntra saqajh, iżda malli bdiet il-logħba ħassu komdu ħafna u kellu prestazzjoni ferm tajba.Qal li mertu ta’ dan imur għall-kumplament tal-plejers li ġibdu ħabel wieħed biex kisbu riżultat prestiġjuż. Joseph Mbong ukoll kien ferm fiduċjuż li Malta llum terġa’ tagħti prestazzjoni tajba u tikseb riżultat importanti.Mistoqsi dwar il-partitarji jew in-nuqqas tagħhom, Mbong stqarr li jixtieq jara iktar partitarji meta jkun qed jilgħab it-tim Malti, pero hu temm jgħid li l-plejers xorta waħda jagħtu l-mija fil-mija tagħhom.