Lokali

L-istress fil-Maltin: minn bullying għal problemi psikoloġiċi

Studju li sar fost 434 persuna li għandhom ‘il fuq minn 18-il sena tefa’ dawl fuq l-istress li jikkawżaw diversi sfidi li jkunu relatati ma’ relazzjonijiet personali jew abbuż; studju mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà li jitfa’ dawl fuq diversi realtajiet li qed nesperjenzaw f’pajjiżna.

Dan l-istħarriġ beda b’mistoqsijiet relatati mal-iskola. Fost dawk li wieġbu, 52% sostnew li jekk huma fallew minn xi suġġetti tal-iskola, dan m’affetwahomx psikoloġikament, filwaqt li 15.5% sostnew li affettwahom.

13.8% qalu li huma esperjenzaw bullying li bih spiċċaw għamlu rapport jew biddlu l-iskola.

Ir-rapport juri wkoll li fost it-13.4% tal-persuni li esperjenzaw problemi fuq il-post tax-xogħol, 60.3% sostnew li dawn ikkawżaw livelli għoljin ta’ stress, b’48.3% jgħidu li saħansitra kellhom problemi psikoloġiċi.

17.3% ta’ dawk li wieġbu sostnew li għaddew minn break-up, separazzjoni jew divorzju.

Mill-istudju ħareġ li 11.3% kienu maltratti pskoloġikamet jew fiżikament mill-partner tagħhom, bl-ammont ta’ rġiel u nisa jkun pjuttost indaqs f’dan l-aspett.

Mill-istess studju, ħarġu ċifri wkoll dwar persuni li għamlu abort …fejn 3.7% wieġbu li wettqu abort. Minnhom, 56.3% sostnew li wettqu abort darba, filwaqt li 6.3% qalu li għamlu abort iżjed minn tliet darbiet.

Fost dawk li wieġbu, 18.9% qalu li kellhom xi ħadd jiġi minnhom mill-viċin li abbuża mid-drogi jew l-alkoħol, filwaqt li 3.9% sostnew li huma stess abbużaw mid-droga jew l-alkoħol.

Apparti minn hekk, 13.6% qalu li ġew misruqa jew attakkati fiżikament, filwaqt li 4.4% ġew abbużati sesswalment. Fost dawk li ġew abbużati sesswalment, 6.5% kienu nisa filwaqt li 2.3% kienu rġiel.