Lokali

“Mis-sema ‘l isfel kulħadd għandu par li jgħodd għalih” – Joe Brincat jattakka lil Abela

“Għalxiex għandha titlob skuża Rosianne Cutajar?”

“Fid-dinja mis-sema ‘l isfel kulħadd għandu par li jgħodd għalih – ma tistax tipponta subgħajk lejn ħaddieħor u tgħidlu indem għax jekk ma jkunx hemm għalxiex ikollok tliet swaba oħra jippontaw lejk …fuq liema żbalji li għamlet Rosianne Cutajar messha titlob skuża? Jekk dak li għamlet kien tassew ta’ ħsara lill-Partit, mela allura inutli tilgħab bl-iskużi u l-maħfriet.”

Sostna dan l-Eks Deputat Mexxej tal-Labour Joe Brincat fil-ħarġa tal-gazzetta ‘It-Torċa’ – stqarrija li turi bl-aktar mod ċar il-firda li hemm fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista – hekk kif kien qed jitkellem dwar il-fatt li filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela ma jridx jitlob skuża lill-Kummissarju għall-Istandards minħabba dak li qed jiġi meqjus bħala ksur ta’ etika f’reklam tal-Gvern …Abela qed jistenna lil Cutajar biex tagħmel apoloġija biex idaħħalha lura mal-Partit Laburista.

Joe Brincat insista li jittama li l-Mexxej tal-Labour għandu raġunijiet sodi għala għandu jibqa’ ma jitlobx skuża għaliex inkella ċ-ċirkustanzi jikxfuh bħala alla tat-tafal, bniedem supperv li mingħalih ħadd ma jista’ għalih.

Fl-istess waqt, Abela qed jistenna apoloġija mingħand Rosianne Cutajar, iżda bħal kulħadd – Brincat staqsa dwar xiex għandha titlob skuża …jekk hux dwar il-ħajja sesswali tagħha – b’rabta mal-messaġġi li skambjat man-negozjant Yorgen Fenech …jew l-impjieg fantażma mal-ITS.

Huwa insista li jekk dak li verament għamlet kien ta’ ħsara għal-Labour, bl-aktar mod ċar Brincat saħaq li huwa għalxejn issa li titlob skuża jew li jinħafrilha xi dnub. 

Hu insista li jekk wieħed jipponta subajgħ lejn ħaddieħor, ikollu tliet swaba jippontaw lejh. Dan b’referenza ċara għal Robert Abela.

Fl-istess jum, fil-gazzetta MaltaToday ingħad li d-deputat indipendenti Rosianne Cutajar kienet irrabbjata ferm b’din il-u-turn ta’ Abela fejn talabha titlob skuża …b’membri fil-Kabinett ta’ Abela ma kinux qed jistennew dan it-tip ta’ diskors mingħand il-Prim Ministru.

Fl-aħħar jiem, Net News staqsa lill-Minsitri Roderick Galdes u lil Owen Bonnici dwar xiex għandha tiskuża ruħha Cutajar; iżda t-tnejn li huma ma kinux jafu x’se jaqbdu jwieġbu.