Lokali Qorti

Mixli li ħebb għal martu fid-dar tal-koppja

Raġel ta’ 45 sena minn Marsaxlokk wieġeb mhux ħati li ħebb għal martu, u dan mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li jqegħdilha ħajjitha f’periklu ċar. It-tobba mill-Isptar Mater Dei ċċertifikaw li l-mara kienet sofriet grieħi gravi f’wiċċha. Huwa ġie mixli wkoll li ħebb għal martu u kkaġunalha biża’ li se tintuża vjolenza kontra tagħha.

L-Ispettur Omar Zammit qal lill-Maġistrat Marse-Anne Farrugia, li fit-23 ta’ Marzu, il-mara għamlet rapport fejn allegat li żewġha ħebb għaliha waqt argument fid-dar tagħhom. Id-difiża mmexxija mill-avukat Lennox Vella, talab għal ħelsien mill-arrest bil-prosekuzzjoni ma toġġezzjonax bil-kundizzjoni li ma jkellimx bl-ebda mod lil martu kif ukoll il-minuri ta’ disa’ snin, li se tkun qed tixhed ukoll fil-każ.

L-avukat difensur qal li jekk il-Qorti tilqa’ t-talba, l-akkużat se jkun qed joqgħod ma’ ommu. Il-prosekuzzjoni, kif inhi l-prassi, talbet lill-Qorti toħrog ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma u l-minuri.

Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża għal ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li jiddepożita l-karta’ tal-identita u l-passaport, jiffirma l-għassa ta’ Bormla darbtejn fil-gimgha u jiddepożita s-somma ta’ €7,000. Laqgħet ukoll it-talba tal-prosekuzzjoni għal ħrug ta’ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma u l-minuri.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit, u l-avukat Alessia Schembri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat deher l-avukat Lennox Vella.