Lokali

“Nagħżel li nibqa’ nosserva” – Rosianne Cutajar dwar jekk hux se tapoloġizza jew le

Ritratt: Matthew Mirabelli Times of Malta

“Nagħżel li nibqa’ nosserva,” hekk saħqet id-Deputat Parlamentari Indipendenti Rosianne Cutajar wara li kemm-il darba fl-aħħar jiem il-Prim Ministru Robert Abela rrepeta mal-ġurnalisti li biex iħalliha tidħol lura mal-Grupp tal-Labour, l-ewwel trid tagħmel apoloġija.

Dan wara li ġurnalisti tat-Times of Malta staqsew quddiem il-Parlament lil Cutajar jekk hux qed tippjana li tagħmel apoloġija, bil-kumment ta’ Rosianne ikun ċar li f’dan il-mument, le.

It-Tnejn filgħodu Abela sostna li Cutajar għandha tkun matura u tapoloġizza għal suġġetti li skont hu, kulħadd jaf dwar xiex – apoloġija li trid tagħmilha quddiem l-istrutturi tal-Labour biss.

Cutajar kienet irriżenjat lura f’April tal-2023 wara chats żvelati bejn l-istess Deputat u n-negozjant Yorgen Fenech, li akkużat fost l-oħrajn b’involviment fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Chats li esponew li mil-Labour “Kulħadd qed jitħanżer” – chats li fetħu investigazzjoni dwar l-impjieg ta’ Cutajar mal-ITS deskritt mill-NAO bħala wieħed fantażma.

Intant il-botti u risposti fi ħdan il-Labour bejn faxxa u oħra jkomplu jum wara l-ieħor, bil-pressjoni fuq Abela tkompli tiżdied …u tiżolah.