Lokali Parlament

Proposti mill-PN għal tibdil fil-proċess elettorali; appell biex jibdew diskussjonijiet


Karol Aquilina, PN


Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal fil-parlament li l-PN qed jipproponi tibdil fil-proċess elettorali biex ikun iktar faċli li l-poplu joħroġ jivvota, u qed jappella lill-gvern biex jibdew diskussjonijiet dwar dan bejn iż-żewġ partiti politiċi.


Karol Aquilina qal li l-poplu jixtieq li fl-elezzjonijiet kollha, l-elettorat jipparteċipa bi ħġaru. Għalhekk jeħtieġ li l-proċess ikun iktar faċli. Wasal iż-żmien li l-Parlament jibqa’ jesplora modi kif in-nies jibqgħu jipparteċipaw fl-elezzjonijiet.


Hu semma’ ċirkostanzi fejn persuni li ma jistgħux jivvutaw f’dik il-ġurnata jridu jieħdu ġurament quddiem il-Kummissjoni Elettorali biex jivvutaw f’ġurnata oħra qabel. Din hi sistema li tintuża f’pajjiżi oħra għalkemm kien hemm min kien jaraa l-ġurament żejjed.


Il-proposta tal-PN hi li flok jittieħed ġurament, issir dikjarazzjoni bil-miktub jew issir dikjarzzjoni f’sistema online fejn ikun hemm formola apposta. Il-votant xorta jrid ikollu d-dokument tal-vot biex jivvota. Hu pożittiv li l-gvern qed jabel fuq din il-proposta.


Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar bidliet ta’ titjib fis-sistema elettorali, li hi bbażata fuq kif joperawha l-partiti l-kbar. Hu ppropona tibdil biex din issir iktar aċċessibbli u faċli għall-votanti biex ikun żgurat li ma jkunx hemm min isibha diffiċli biex jivvota.


Karol Aquilina kompla li l-għadd tal-voti b’mod elettroniku kien pass tajjeb għalkemm tista’ titjieb. Hu ppropona wkoll kampanja mill-Kummissjoni Elettorali li tħeġġeġ lin-nies biex imorru jivvutaw.