Lokali Parlament

Robert Abela populist meta f’Malta jgħid mod u fl-UE jagħmel mod ieħor


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna fil-Parlament li l-Prim Ministru Robert Abela qed ikun populist meta f’Malta jitkellem mod, u fl-UE jaġixxi mod ieħor. Il-verità hi li fl-UE, il-Prim Ministru ma ġab ebda garanziji dwar in-newtralità għaliex dawn ilhom hemm sa mis-sħubija fl-UE.


Din id-dikjarazzjoni l-Kap tal-Oppożizzjoni għamilha meta kien qed jitkellem fil-Parlament wara stqarrija ministerjali li għamel il-Prim Ministru Robert Abela li fiha tkellem dwar is-summit tal-mexxejja Ewropej li sar il-ġimgħa li għaddiet u li fih iddiskuta d-difiża, is-sigurtà, l-Ukrajina u l-agrikoltura.


Bernard Grech qal li l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista se jibqa’ jagħti l-appoġġ lill-Prim Ministru jekk jibqa’ jiddefendi l-interessi u isem Malta. Dan id-diskors irid ikun matur kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.


Hu semma’ kif il-Prim Ministru qed jgħid li ġab xi garanzija li jiddefendi l-kostituzzjoni Maltija meta l-fatti huma differenti. Il-garanziji dwar in-newtralità ta’ Malta nkisbu fil-proċess tas-sħubija ta’ Malta fl-UE 20 sena ilu, sostna Bernard Grech, li kompla li l-Prim Ministru għamel ġimgħat jattakka lill-PN u lill-kandidati għall-UE li dawn iridu l-gwerer għaliex il-PN jaqbel li jkun hemm investiment fid-difiża fl-UE.


Illum, b’mod ipokrita, il-Prim Ministru qabel li l-UE tagħmel investiment fid-difiża. Dan ifisser li l-Prim Ministru issa sar jaqbel mal-PN.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-FAM tkellmet fuq investiment ta’ €200 miljun f’fondi Ewropea biex issaħħaħ id-difiża; allura dna ifisser li t-tfal Maltin qed imorru għall-gwerra? Assolutament li le! Dan ifisser li l-FAM għamlu investiment fid-difiża ta’ Malta.


Bernard Grech kompla li l-ftehim dwar l-agrikoltura hu wieħed tajjeb u kien konfermat li kien il-Kunsill Ewropew li qabel dwar id-direttivi li se jolqtu lill-bdiewa. Għalhekk il-Ministru tal-Agrikoltura jrid imur fl-UE jiddefendi lill-bdiewa għaliex kien hemm nuqqas.


Beppe Fenech Adami kkwota diskors tal-Prim Ministru u qal li Robert Abela mar fl-UE u vvota biex jiżdiedu l-investimenti fl-armi. Lest il-Prim Ministru jagħmel apoloġija mal-poplu wara li qed jitkellem mod f’Malta u mod ieħor fl-UE. Min hu verament Robert Abela …dak li jitkellem fil-każini f’Malta jew dak li jmur fl-UE?


Id-deputat Nazzjonalista qal li meta l-Prim Ministru jitkellem kontra investiment fid-difiża u kontra s-sigurtà, il-Prim Ministru jkun qed jitkellem kontra l-FAM. Mill-UE pajjiżna ġab €35 miljun għal patrol boat; €5.2 miljun għal modernizzar ta’ patrol boat; €5 miljun għall-operation centre tal-FAM; u €2.5 miljun għal data centre f’Ħal Luqa. Dawn huma l-fondi li tonfoq l-UE għad-difiża tas-sigurtà, inkluż f’Malta. Fejn hu l-Prim Ministru quddiem dan l-investiment fil-FAM?


Beppe Fenech Adami qal li mkien m’hemm xejn ġdid ħlief dak li kien negozjat mill-PN 20 sena ilu. Hu appella lill-Prim Ministru biex jispeċifika jekk hemmx kelma dwar in-newtralità u n-nonallineament ta’ Malta; għax m’hemm imkien. Hemm biss kelma b’kelma dak li hemm fin-negozjati.


Beppe Fenech Adami semma’ l-kwistjoni tal-Palestina u qal li l-Prim Ministru qal li meta l-ħin ikun tajjeb nirrikonoxxu l-Istat Palestinjan. Dan hu l-prinċipju? L-Istat Palestinajn għadu jkun rikonoxxut issa; id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru marret lura.


Fl-introduzzjoni tiegħu, fl-istqarrija parlamentari l-Prim Ministru qal li l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-ġimgħa li għaddiet kienet tinkludi laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet (UN) li fiha kien diskuss l-ordni internazzjonali b’enfasi fuq il-Lvant Nofsani.


Robert Abela sostna li fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew hu kien sostna li Malta jkollha s-salvagwardji meħtieġa biex il-kostituzzjoni tkun rispettata. It-temi diskussi inkludew id-difiża, is-sigurtà u l-Ukrajina li kienu marbutin flimkien.


Il-Prim Mnistru qal li hemm pressjoni biex jiżdied l-investiment fl-industrija tal-gwerer u sostna li Malta se tibqa’ tagħmel sforz għall-paċi. Hu kkritika lill-mexxejja Ewropej oħra li skont hu, huma interessati fl-industrija tal-armi.


Robert Abela kkonferma li ma kienx oġġezzjoni għall-pożizzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar id-difiża u s-sigurtà.


Dwar id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Robert Abela ċaħad li hu qatt qal li t-tfal Maltin kienu qed imorru għall-gwerra. Il-Prim Ministru kkonferma li fl-UE ma oġġezzjonax għall-pożizzjoni li ħadu pajjiżi oħra dwar id-difiża u s-sigurtà tal-UE għax, skont hu, ġab salvagwardja għall-kostituzzjoni tal-pajjiż.