Għaddas tilef ħajtu u tlieta oħra jinsabu l-Isptar Mater Dei jingħataw il-kura meħtieġa wara li żewġ gruppi ta’ 18-il għaddasa kellhom bżonn l-għajnuna tal-Forzi tal-Ordni hekk kif sabu ruħhom f’diffukultà għall-ħabta tas-1:20pm, fiz-zona ta’ Rożi, fiċ-Ċirkewwa.
Il-vittma huwa Olandiż u għandu 45 sena.
Fil-post kien hemm l-għaddasa li bdew jitolbu għall-għajnuna. Jidher li erba’ persuni rnexxilhom jitilgħu fuq l-art weħidhom, filwaqt li l-kumplament kellhom jiġu salvati.
Timijiet mediċi mill-Isptar Mater Dei marru fil-post biex jassistu lill-għaddasa qabel ittieħdu l-Isptar għall-kura meħtieġa.
Minn dawk li ġew salvati, erbat irġiel minnhom kellhom jingħataw għajnuna immedjata minħabba l-kundizzjoni li kienu fiha. Mill-inqas persuna waħda ttellgħet mitlufa minn sensiha iżda minkejja l-isforzi kollha tal-mediċi fejn saħansitra bdew jagħmlu s-CPR fil-post tas-salvataġġ, il-persuna, li huwa raġel, tilef ħajtu ftit tal-ħin wara fl-Isptar Mater Dei.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella li ħatret inkjesta maġisterjali, filwaqt li l-investigazzjoni tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Kelliem f’isem il-Gozo Channel ikkonferma ma’ dan s-sit, li s-servizz ġie mwaqqaf temporanjament u li se jibqa’ wieqaf sakemm il-Pulizija toħrog il-permess biex dan is-servizz jitkompla.
//= $special ?>