Roberto Debrincat, l-Eks Editur tal-ġurnal L-Orizzont u osservatur politiku, f’opinjoni analitika tiegħu fil-gazzett ta’ nhar ta’ Ħadd tal-General Workers’ Union (GWU) qal li llum il-ġurnata l-Partit Laburista mmexxi minn Robert Abela qata’ lura meta mqabbel mal-perjodu li fih kien immexxi minn Joseph Muscat.
Roberto Debrincat il-Ħadd li għadda tkellem fit-tul dwar id-defiċenzi ta’ Robert Abela fit-tmexxija tal-partit u qal li dawn id-defiċenzi qegħdin joħolqu diversi problemi ta’ kredibbiltà u serjetà fil-mod kif in-nies hemm barra jħarsu lejn il-Partit Laburista.
Hu qal li: “L-ewwel u qabel kollox inħoss li Abela ma jgawdix l-istess rispett li kien igawdi Muscat. Il-livell ta’ leadership tiegħu, meta kkumparat ma’ Muscat, wassal għal intoppi mhux mistennija li affettwaw bosta mid-deċiżjonijiet li ħa Abela matul dawn l-aħħar erba’ snin.”
U hawn jagħmilha ċara ħafna li: “Filwaqt li qbilt ma’ Abela meta Rosianne Cutajar intalbet li tirriżenja mill-Grupp Parlamentari Laburista wara li saru magħrufa pubblikament il-messaġġi li hi kienet tibgħat lil Yorgen Fenech, flimkien mal-impjieg li ngħatat mal-ITS. Iżda fl-istess waqt ma naqbel xejn ma’ Abela li jerġa’ jdaħħal lil Rosianne Cutajar lura fil-Grupp Parlamentari Laburista u wisq aktar meta hu jisħaq li biex hi tiġi kkunsidrata biex terġa’ tiddaħħal, għandha titlob apoloġija pubblika.”
Hu enfasizza li: “Mela fi kliemu stess, Abela kkonferma li Cutajar għamlet xi ħaġa ħażina u jekk inhu hekk, għalfejn kellha tistenna lil Abela li jitlobha biex tagħmel apoloġija?”
“Hu minnu li fil-ħajja kulħadd huwa soġġett għall-iżball, iżda hu minnu wkoll li kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu. Jien nemmen fil-kontabbiltà u bħala ċittadin li nħallas it-taxxa kif inhu mistenni minni, nistenna li l-fondi pubbliċi jintużaw għall-ġid tas-soċjetà tagħna u mhux biex nikkwota, biex ikun hawn min jitħanżer għax kulħadd hekk qed jagħmel!”
Imbagħad Roberto Debrincat jgħid li llum fil-Partit Laburista kulħadd jagħmel li jrid u li jfettilu u mingħajr ebda dixxiplina u semma’ l-każ ta’ Manuel Cuschieri li b’messaġġi li jagħmel fil-mezzi soċjali qed jagħmel ‘ħafna ħsara’ lit-tmexxija u lill-kredibbiltà ta’ Robert Abela.
Jgħid li affarijiet bħal dawn jibgħatu l-messaġġ ta’ nuqqas ta’ għaqda fil-partit u dwar din is-sitwazzjoni xejn feliċi għandha ssir riflessjoni bis-serjetà għaliex fl-aħħar mill-aħħar hemm barra n-nies qegħdin jaraw partit li mhux magħqud iżda hemm min għandu l-interess li jimbotta aġendi oħrajn, li bihom Robert Abela qiegħed jispiċċa jiġi mċekken.
//= $special ?>