Lokali

Artist parzjalment nieqes mid-dawl jagħmel presepju uniku tal-Ġimgħa l-Kbira

Ħafna jassoċjaw il-kelma presepju ma’ żmien il-Milied, iżda artist parzjalment nieqes mid-dawl ħoloq xena unika tal-Ġimgħa Mqaddsa miġbura fi presepju.

Joseph Scicluna ħoloq kull xena possibbli li wieħed jassoċja mal-passjoni ta’ Ġesù, fosthom l-aħħar ċena, il-ħasil tas-saqajn, u l-arrest quddiem Pilatu sakemm finalment naraw il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Xogħol li ma kien faċli xejn għal Joseph hekk kif jara biss minn għajn waħda, liema vista mhix ċara lanqas tant li saħansitra jbati biex jara l-kuluri. U allura, kif irnexxilu joħloq biċċa ta’ arti bħal din?

Joseph ilu jaħdem fuqu minn Novembru, b’dedikazzjoni kbira u materjal differenti, fosthom l-injam, il-jablo u s-silicon – bażikament kull ħaġa li jsib fil-garaxx u m’għadx għandu użu għaliha.

Passjoni għal dan iż-żmien li Joseph ilu jħaddan mindu kien għadu ċkejken. U ma jistax jonqos li Joseph wassal messaġġ għal dawk li forsi jaqtgħu qalbu li jagħmlu dak li jħobbu.

Dan il-presepju jinsab bħala parti minn wirja fis-sala tal-Knisja f’Marsaskala, li ttellgħet mill-Għaqda Mużikali Sant’Anna. Fost ix-xogħol hemm l-arti tal-artist, Mario Zammit Lewis li wettaq għaxar xeni mill-passjoni f’xahrejn u jumejn biss.