Lokali

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali jgħid li ma ġiex ikkonsultat dwar il-u-turn li saret fuq l-isptar tas-saħħa mentali

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, Dennis Vella Baldachino, insista li hu qatt ma ġie kkonsultat dwar il-u-turn tal-Gvern li ma jibnix sptar ġdid tas-saħħa mentali.

Dan qalu huwa stess meta kien qed iwieġeb domandi fil-Kumitat Konġunt dwar is-Saħħa u l-Affarijiet Soċjali, fejn ġie mistoqsi mix-Shadow Minister għas-saħħa Adrian Delia. Preżenti wkoll kien hemm ix-Shadow Minister għas-Saħħa Mentali, Ian Vassallo; u Albert Buttigieg, Shadow Minister għall-Familja u Sigurtà Soċjali.

Il-psikjatra saħansitra qal li l-ewwel darba li sema’ li l-isptar mhux se jsir kien mill-media. It-tabib Vella Baldacchino stqarr li hemm nuqqasijiet kbar fl-Isptar Monte Carmeli, fosthom in-nuqqas ta’ attività f’ċerti ħinijiet tal-ġurnata, bil-pazjenti stess jispiċċaw iktar frustrati għaliex m’hemmx attenzjoni speċifika fuq id-diversi każijiet.

Problema oħra li semma’ kienet iż-żieda sostanzjali ta’ żgħażagħ li daħlu jfittxu l-għajnuna fl-isptar, fosthom nies bi problemi ta’ droga.

Issemma wkoll il-fatt li ammont ta’ ħaddiema barranin qegħdin jispiċċaw ifittxu l-għajnuna minħabba problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom, speċjalment problemi relatati max-xogħol tagħhom, apparti l-piż li qed jiżdied ta’ kuljum fuq l-esperti mediċi – b’ammont ta’ pazjenti li żdiedu meta l-istaff baqa’ kif kien. Dan b’effett dirett fuq il-pazjenti minħabba l-fatt li data inputting mhux qed isir sew.

Is-Segretarju Parlamentari Malcom Paul Agius Galea sostna li din is-sitwazzjoni hija inkwetanti ferm.