L-Għaqda Wirjiet San Ġużepp Ħaddiem qed ittella’ wirja għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa dwar il-Misteru tal-Mewt u l-Qawnien, fiċ-Ċentru Parrokkjali San Ġużepp Ħaddiem, f’Birkirkara.
Annwalment, l-Għaqda torganizza żewġ wirjiet prinċipali fiċ-Ċentru Parrokkjali San Ġużepp Ħaddiem fi Triq Bwieraq, Birkirkara – wirja fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa u oħra fi żmien il-Milied. Dawn iż-żewġ wirjiet kibru mmens f’dawn l-aħħar snin u ta’ kull sena jattiraw numru kbir ta’ viżitaturi. Barra minn hekk, l-Għaqda Wirjiet tieħu ħsieb ukoll ittella’ wirjiet oħra f’okkażjonijiet speċjali għall-Parroċċa.
Il-Wirja ta’ din is-sena hija miftuħa kuljum mid-9am sa 12pm u mill-4pm sad-9pm u se tinkludi: Ċenaklu fuq stil Lhudi, ikkumplimentat bi statwi life size, diversi settijiet ta’ statwetti tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ artisti varji, Mudell ta’ Golgota, li jinkludi ‘l fuq minn 300 statwetta tat-tafal, Mudelli ta’ knejjes armati bil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira, Platti u kwadri bis-smid, ross u għaġin, Minjaturi ta’ Artali tar-Repożizzjoni u Vestwarju u simboli tar-Rumani, fost oħrajn.
Il-wirja hija aċċessibbli għal kulħadd u d-dħul huwa mingħajr ħlas.
Intant il-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem, b’mod konsistenti, bdiet torganizza wirjiet fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa fil-bidu tas-snin disgħin tas-seklu l-ieħor, fejn, b’inizjattiva tal-Kappillan ta’ dak iż-żmien, Dun Vinċenz Demicoli, bdiet tiġi organizzata Wirja ta’ Ċenaklu fuq stil Lhudi.
Fis-sena 1999, bi qbil mal-Kappillan ta’ dak iż-żmien, Dun Mario Tong, ma’ din il-Wirja intramaw ukoll għall-ewwel darba sett statwetti tal-Ġimgħa l-Kbira li kien qed jgħaqqad is-Sur Vincent Mifsud. Il-Wirja kienet fetħet nhar il-Ħadd 28 ta’ Marzu 1999, festa ta’ Ħadd il-Palm, propju 25 sena ilu.
Nistgħu ngħidu li din id-data tista’ titqies bħala t-twelid tal-Għaqda Wirjiet San Ġużepp Ħaddiem. Dan minħabba li minn hemm, is-Sur Mifsud, flimkien mat-tifel tiegħu Clayton u xi dilettanti oħra, fosthom il-mibki Frans Baldacchino l-Budaj u Joe Valletta, dejjem ħadmu biex jattiraw aktar esebituri lejn din il-Wirja. Dan wassal biex, matul is-snin, in-numru ta’ esebituri kompla dejjem jikber biex, illum il-ġurnata, nistgħu ngħidu li din il-wirja hija stabbilita sew mad-diversi dilettanti madwar il-pajjiż kollu.
Mis-sena 2003, bl-approvazzjoni tal-Kappillan ta’ dak iż-żmien Dun Michael Bugeja, din l-għaqda bdiet
torganizza wkoll Wirja ta’ Presepji. Din il-Wirja, li wkoll tittella’ ta’ kull sena, kibret ukoll u kisbet ċerta
popolarità mad-dilettanti, kif ukoll man-numru dejjem jikber ta’ persuni li jipparteċipaw fiha.
Fis-sena 2008, fl-okkażjoni tal-35 Anniversarju mit-Twaqqif tal-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem, l-Għaqda kienet organizzat ukoll Wirja ta’ Statwi Titulari, Kwadri u Oġġetti Sagri fil-jiem tal-festa titulari ta’ San Ġużepp Ħaddiem, li tiġi ċċelebrata kull sena nhar l-1 ta’ Mejju.
Ħames snin wara, f’Mejju 2013, meta l-Parroċċa kienet qed tagħlaq 40 sena mit-twaqqif tagħha, kienet saret ukoll Wirja fuq skala nazzjonali dwar San Ġużepp, patrun tal-Parroċċa u l-Għaqda tagħna. L-istess sar is-sena li għaddiet (2023), meta l-Parroċċa ċċelebrat il-50 anniverstarju mit-twaqqif tagħha.
L-Għaqda Wirjiet organizzat ukoll żewġ wirjiet barra l-bini taċ-Ċentru Parrokkjali, waħda ta’ statwi titulari fl- 2013 u oħra dwar San Ġużepp Ħaddiem fl-2014, waqt attività organizzata mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara.
Sehem il-membri ta’ din l-għaqda jinkludi impenn kostanti fl-attivitajiet tal-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem, b’mod speċjali fil-festa u fl-Għaqda tal-Armar immexxija mis-Sur Maurizio Gauci, kif ukoll fil-manutenzjoni taċ-Ċentru Parrokkjali. Ma jonqsux il-preparamenti għall-wirjiet li jkunu ġejjin, fosthom bix-xogħol ta’ smid ikkulurit li jiġi ppreparat ta’ kull sena għall-Wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa. Matul is-snin l-Għaqda organizzat kompetizzjoni u anke kors dwar il-presepji. Illum il-ġurnata, l-Għaqda Wirjiet San Ġużepp Ħaddiem evloviet biex, minbarra l-organizzazzjoni tal-wirjiet, il-membri tagħha ssibhom jagħtu sehemhom f’kull aspett tal-ħajja parrokkjali.
//= $special ?>