Internazzjonali

Ir-Russja: Putin bilfors irid jimplika lill-Ukrajna fit-terrur tal-Ġimgħa

Il-President tar-Russja Vladimir Putin u l-Kremlin iridu akkost ta’ kollox jimplikaw lill-Ukrajna fl-attakk terroristiku kbir tal-Ġimgħa f’Moska. L-attakk kien seħħ f’kumpless tal-kunċerti fejn grupp ta’ erba’ rġiel armati massakraw madwar 140 persuna – inklużi tfal – b’aktar minn mija jisfaw midruba.

Putin qed jippersisti bl-akkużi kontra l-Ukrajna minkejja nuqqas assolut ta’ provi, bl-osservaturi jaqblu li hu jinsab ‘ossessjonat biex juri lill-Ukreni fl-agħar dawl possibbli’.  Fl-istess ħin, il-Gvern Ukren u anki ġurnalisti u bloggers Russi li qed  jgħixu f’eżilju, qalu li Putin u l-Kremlin iridu jaħbu n-nuqqasijiet tas-servizzi tas-sigurtà tagħhom li ‘nkixfu’ li mhumiex kapaċi jipprovdu protezzjoni adekgwata liċ-ċivili.

Waqt li Vladimir Putin issa irrikonoxxa s-sehem  ta’ ‘Islamiċi radikali’ fl-attakk tal-Ġimgħa, hu qed jirrepeti xorta li ‘dawn ir-radikali għandhom forma ta’ konnessjoni mal-Ukrajna u l-Punent’. Dan, sintendi, meta l-President Russu baqa’ ma provdiex informazzjoni kredibbli li tissostanzja l-akkuża.

Il-Mexxej Russu, waqt diskors lill-pajjiż, qal li l-awtoritajiet f’Moska ‘jafu li t-terrur twettaq mill-Iżlamiċi radikali li anki jmorru kontra l-ideoloġija tar-reliġjon tagħhom’. Hu insista, imbagħad, li ‘r-Russja trid tkun taf min kien tassew wara l-attakk’ u li għad fadal ħafna mistoqsijiet relatati mal-attroċità.

Vladimir Putin irrepeta l-akkuża infondata li t-terroristi f’Moska ‘kienu pruvaw jaħarbu lejn l-Ukrajna ‘u li l-massakru seta’ kien biss wieħed fost il-ħafja attentati minn dawk (l-Ukreni) li ilhom fi gwerra mar-Russja mill-2014’.

Putin temm id-diskors b’referenza għall-Istati Uniti, li qal ‘qed tipprova tikkonvinċi lid-dinja li l-Ukrajna ma kellhiex konnessjoni mat-terrur f’Moska’. U skont Putin, ‘l-attakk fuq il-kumpless tal-kunċerti ‘bilfors’ li sar bis-sehem tal-entitajiet li qegħdin jużaw lill-Ukrajna kontra l-interessi tar-Russja’.

Il-gurpp terroristiku ISIS ilu minn wara l-massakru jinsisti li l-attakk tal-Ġimgħa tmexxa mill-membri tiegħu – u fejn ħareġ il-filmati tal-paniku u konfużjoni fis-sala tal-kunċerti fejn l-aggressuri kienu qed jisparaw fuq kull min spiċċa quddiemhom.

Intant, l-aħħar bullettini tal-aħbarijiet dwar il-midruba qalu li hemm aktar minn 22 f’kundizzjoni serja ‘u anki kritika’ li qed ikunu trattati fl-isptarijiet. Fost dawn hemm ukoll numru ta’ tfal.