Lokali Qorti

Jaqla’ divesi daqqiet ta’ sikkina waqt li kien f’lukanda f’San Ġiljan

Tuneżin li joqgħod l-Imsida qal lill-Qorti li waqt li kien qiegħed f’lukanda flimkien mat-tfajla tiegħu f’San Ġiljan, ħabib tiegħu mar ħdejh u wara li talbu xi flus, u meta rrifjuta li jagħtih, tah diversi daqqiet ta’ sikkina bir-riżultat li spiċċa l-isptar b’ambulanza.

Mahmoud Moghrabi kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Gabriella fil-kumpilazzjoni ta’ Khaled Mahmoud Abdulkasem ta’ 30 sena, Libjan, residenti San Ġiljan li jinsab mixli li għall-ħabta tal-5am tal-5 ta’ Marzu, ikkaġuna ġrieħi gravi fil-konfront tax-xhud li uża arma mingħajr liċenzja u li sar riċediv.

Moghrabi ġie mwissi mill-Qorti li peress li għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ, jekk xi mistoqsijiet li kien se jiġu mistoqsija setgħu b’xi mod jinkriminawh, ikun aħjar li ma jweġibx għax jista’ jkun il-każ jistgħu jittieħdu passi kontrih.

L-allegat vittma qal li kien qiegħed fil-kamra tal-lukanda f’Paċeville mat-tfajla u l-akkużat ħebb għalih. Dan daħal fil-kamra wara li ħabbat il-bieb u hu fetaħlu għax kien jafu.

“Suppost kien ħabib tiegħi u talabni xi affarijiet u xi flus u ma tajtux. Beda jgħid ħafna ħmerijiet u f’daqqa waħda ħareġ sikkina mill-but u beda jagħtini biha. Ridt niddefendi lili nniffsi u qbadt lampshade u tajtu daqqa fuq rasu biha.”

Fuq diversi mistoqsijiet tal-prosekuzzjoni qal li ma kienx jaf li l-akkużat kien sejjer għandu dakinhar, anke jekk kien ċempillu qabel.

Kif daħal fil-kamra, kompla jgħid Moghrabi, wara li fetaħlu l-ewwel talbu sigarett u malajr seħħ l-inċident. Wara li poġġa bilqiegħda, qam għalih u tah daqqa taħt qalbu, daqqa kbira f’żaqqu, f’saqajh u f’idejh.

Ix-xhud qal li meta raha d-demm ħiereġ iddeċieda li jaqbad il-lampshade u tah daqqa biha u ħareġ wara l-akkużat fil-kuritur, iżda skont hu Abdulkasem ħarab minn fuq il-post.

Tenna li t-tfajla tiegħu kienet ixxokkjata u niżlet fir-reception fejn tal-lukanda ċemplu għall-ambulanza li marret għalih u ħaditu l-isptar fejn għamlulu diversi ponti. Tenna li huwa ġie aggredit wara l-bieb tal-kamra tal-lukanda.

Il-każ ikompli fit-8 ta’ April fid-9am.

Għall-akkużat deher l-Avukat George Anton Buttigieg, l-Avukat Mario Mifsud deher għall-vittma filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Eman Hayman megħjun mill-Avukat Kenneth Camilleri mill-ufiċċju tal-Avukat Ġenerali.