Internazzjonali

Julian Assange: X’aktarx li viċin l-estradizzjoni iżda r-Renju Unit irid il-garanziji mingħand l-Istati Uniti

Il-Qorti Għolja fir-Renju Unit iddeċidiet li l-Istati Uniti teħtieġ tagħti l-garanziji formali li Julian Assange – il-ġurnalist u attivista li waqqaf l-organizzazzjoni Wikileaks – ma jiffaċċjax il-piena tal-mewt jekk kemm-il darba hu jispiċċa estradit lejn dan il-pajjiż.

Il-Wikileaks tispeċjalizza fil-pubblikazzjoni ta’ leaks ta’ informazzjoni kunfidenzjali u klassifikata u Assange ilu mill-2019 miżmum il-ħabs fir-Renju Unit. Dan ukoll meta l-Istati Uniti ilha s-snin tinsisti għall-estradizzjoni tiegħu biex iwieġeb talli, fl-2010 u l-2011, kien żvela l-files militari sigrieti tal-Amerikani.

Issa l-awtoritajiet Amerikani ngħataw sa tliet ġimgħat biex jipprovdu l-garanziji mitluba qabel l-Imħallfin Britanniċi jikkunsidraw li jwarrbu l-appell ta’ Assange biex ma jispiċċax estradit lejn l-Istati Uniti.

L-imħallfin anki jridu l-garanziji dwar jekk Assange, f’każ li jispiċċa l-Istati Uniti, jistax iserraħ rasu mid-dritt biex jesprimi ruħu b’mod liberu.

Fl-aħħar sigħat, il-mara ta’ Assange, Stella, esprimiet ruħha bħala ‘sorpriża u diżappuntata’ bl-iżvilupp waqt li sejħet biex l-Istati Uniti twaqqa’ l-każ kontra żewġha.

Fl-2021, il-Qorti Għolja fir-Renju Unit iddeċidiet li Julian Assange għandu jkun estradit len l-Istati Uniti u ma laqgħetx l-appell li l-fundatur ta’ Wikileaks ‘kapaċi jneħħi ħajtu l-ħabs ( fl-Istati Uniti) minħabba li qed ibati mill-mard mentali.’

Fl-2022, il-Qorti Suprema fir-Renju Unit ikkonfermat din id-deċiżjoni – bis-Segretarju għall-Intern ta’ dak iż-żmien, Priti Patel, tissostanzja d-direttiva għall-estradizzjoni ta’ Assange.