Basketball Sport

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa: Starlites JSD u Depiro jżommu l-ewwel żewġ postijiet tal-klassifika

Colin Schembri

Caffè Moak Luxol………………..54

Depiro………………………………….59

(14-16)(18-16)(13-13)(9-14)

Depiro momentarjament laħqu lil Starlites JSD fl-ewwel post tal-klassifika meta għelbu lil Caffè Moak Luxol 59-54. Il-partita kienet kumbattuta però Luxol sofrew daqqa ta’ ħarta meta fis-sitt minuta tal-aħħar perjodu tilfu lill-Amerikana Tayler Bennett bil-ħames foul. Bennett mexxiet l-attakk ta’ Luxol hekk kif diversi players bdew isibuha bi tqila biex jikkonkludu lejn il-basket. Minbarra l-punti tagħha kien hemm erba’ trippli minn Josephine Diaby għal Luxol li għamlu l-ewwel basket tal-partita minn Shanice Farrugia. L-ewwel risposta ta’ Depiro ġiet minn Sophie Abela, Kristy Galea u Jose Ann Johnson li għamlu sitt punti mingħajr risposta. Hawn Bennett għamlet sitt punti konsekuttivi bi trippla però Depiro wkoll kellhom trippla minn Julia Xerri. Bennett u Johnson wieġbu lil xulxin bit-taqsima tagħlaq bi trippla fuq kull naħa minn Lisa Fenech Pace u Galea għal skor ta’ 14-16. Fit-tieni perjodu, Depiro kabbru l-vantaġġ għal 5 punti wara punti minn Johnson u Julia Borg. Depiro komplew b’żewġ trippli minn Leanne Sciberras u Borg għal skor ta’ 29-20. Hawn Luxol għamlu run oħra ta’ 12-0 fosthom bi trippli minn Bennett u Diabu biex marru 3 minn fuq iżda qabel l-intervall kien hemm il-punti ta’ Johnson għal parita ta’ 32-32.

Wara l-intervall, Mandi Mercieca għamlet l-ewwel basket ta’ Luxol però hawn kien hemm tmien punti oħra minn Depiro permezz ta’ Abela, Galea u Johnson. Luxol kellhom mument tajjeb bi break ieħor ta’ 11-3 b’żewġ trippli oħra ta’ Diaby u marru basket minn fuq 45-43. Kien għad fadal ċans għal attakk ieħor minn Depiro li reġgħu għamlu l-iskor indaqs 45-45. L-aħħar taqsima kellha bidu bilanċjat biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin u l-bilanċ baqa’ sejjer sal-ħames minuta meta basket ta’ Bennett poġġa lil Luxol basket minn fuq 52-50. Hawn però Bennett ikkomettiet foul anti-sportiv fuq Johnson li kien ukoll il-ħames foul tagħha u Depiro approfittaw bi 8 punti mingħajr risposta. L-aħħar żewġ punti tal-partita għamlithom Anna Fenech Pace mill-free-throw line però kienu Depiro li ħarġu rebbieħa 59-54.

.

Caffè Moak Luxol: T. Bennett 22, M. Mercieca 4, L. Fenech Pace 5, H. Galea, E. Abela, M. Camilleri, S. Fenech Pace 4, J. Diaby 12, V. Baldacchino, S. Sciberras, S. Farrugia 2, A. Fenech Pace 5.

Depiro: S. Abela 6, Ni. Agius, J. Xerri 9, J. Mallia, L. Sciberras 3, No. Agius, C. Ciantar 2, J. Borg 11, J. Johnson 14, M. Micallef, N. Borg, K. Galea 14.

Referees: Fiorentina Ciurariu, Nicky Azzopardi

Starlites JSD……………………………101

Fusion Quest…………………………..23

(29-7)(25-5)(22-9)(25-2)

Starlites JSD ma damux wisq biex ħadu lura l-ewwel post tal-klassifika hekk kif ħarġu rebbieħa f’dan il-konfront kontra Fusion li mill-ġdid kellhom skwadra ridotta biss għal 5 players. Il-coach Fatih Dedelioglu fil-waqt li serraħ lil Steffi De Martino għal din il-partita, uża l-kumplament tal-players fejn ta spazju lil diversi players ta’ taħt it-23 sena li se jilgħabu t-tieni finali tal-kampjonat ta’ taħt it-23 sena fejn rebħa ttijhom il-kampjonat. Ir-rakkont ta’ din il-partita huwa kważi identiku f’kull sessjoni fejn Starlites kellhom runs kontinwi u bejniethom Fusion irnexxielhom isbu l-basket. Starlites bdew il-partita bl-ewwel 8 punti bi trippla ta’ Catherine Cilia. L-ewwel risposta ta’ Fusion ġiet bi trippla ta’ Alexia Parnis qabel ma Starlites għamlu 5 punti oħra bi trippla ta’ Andie Saliba. Wara basket ieħor ta’ Fusion minn Nicole Montalvo, Starlites kellhom run ta’ 16-2 b’punti minn Mikela Riolo, Catherine Vella, Saliba u Cilia għal skor ta’ 29-7. Fit-tieni taqsima, b’ħames players differenti fuq il-court, l-andament tal-partita baqa’ l-istess bi Starlites jibdew bi break ieħor ta’ 14-2 fejn kien hemm il-punti minn Maria Bonett, Michela Zammit Cordina u Emma Jo Degiorgio. Fusion kellhom il-baskets ta’ Montalvo u Nicole Vella bi Starlites iwieġbu fost l-oħrajn bi trippla ta’ Zammit Cordina u daħlu jistrieħu 54-12 minn fuq.

Il-bidu tat-tielet taqsima kien l-aktar mument bilanċjat tal-partita fejn iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin. Kien hemm ukoll trippla fuq kull naħa minn Saliba u Vella qabel ma Starlites għalqu l-perjodu b’disa’ punti oħra fosthom trippla ta’ Cilia għal skor ta’ 76-21. L-aħħar sessjoni kienet biss formalita fejn fost l-oħrajn kien hemm run oħra ta’ 20-0 minn Starlites li għaqqdu l-mitt punt fl-aħħar attakk tagħhom minn Saliba u rebħu l-partita 101-23.

Starlites JSD: M. Zammit Cordina 6, M. Riolo 21, A. Saliba 20, E. Degiorgio 6, M. Bonett 12, S. De Martino, P. Riolo 7, C. Cilia 14, C. Vella 2, C. Curmi 2, P. Cannon 11.

Fusion Quest: H. Grixti, A. Parnis 7, M. R. Opauska 3, N. Vella 7, N. Montalvo 6.

Referees: Fiorentina Ciurariu, Matthias Vassallo Pulis.