Robert Abela għal darb’oħra wera l-ipokrezija tiegħu meta wara li ffirma għal investiment għad-difiża f’pajjiżi Ewropej, reġa’ dahar fuq niesu biex jitkellem dwar ir-rikonċiljazzjoni u n-newtralità. Fl-istess jum li ħareġ jattakka lis-Soċjalisti Ewropej li hu stess jifforma parti minnhom.
Id-diskors sar waqt ċeremonja bi tħejjija għall-31 ta’ Marzu, fil-Birgu, fejn saħaq li hu qatt mhu se jippermetti x-xiri għat-tankijiet tal-gwerra, għalkemm fi Brussell l-azzjonijiet urew xejra oħra minn kliemu.
Il-kliem dwar in-newtralità fid-diskors ta’ Robert Abela qajjem rabja kbira fost numru ta’ persuni li kienu preżenti tant li f’nofs id-diskors tiegħu nstemgħet persuna tindirizzah u tgħidlu biex Abela “jgħidilhom il-verità – kissirtuha n-newtralità”.
Ta’ min wieħed ifakkar li Robert Abela kien ħoloq narrattiva sħiħa li l-mexxejja Ewropej se jkunu qed jibagħtu lil uliedna jiġġieldu fil-gwerer sabiex jipprova jifred lill-pajjiż u jbeżża’ lin-nies. Issa, kien hu stess li – kontra l-istqarrija li ħareġ – qabel mal-mexxejja Ewropej dwar l-infiq għad-difiża.
L-istrateġija tal-Partit Laburista hi li jgħidu li bis-saħħa tal-Gvern Malti, se tiġi rispettata n-newtralità, ħaġa li qatt ma ġiet kontestata mill-Unjoni Ewropea. Persuni li tkellmu ma’ Net News qalu kif il-Prim Ministru spiċċa jiġi mwarrab u iżolat fi Brussell riżultat tan-narrattiva li qed jagħmel f’Malta kontrihom. Minkejja l-isforzi kollha biex jaħbi din in-narrativa minnhom, qed jindunaw li Abela għandu żewġt uċuħ.
Il-konklużjonijiet maqbula mill-mexxejja tal-Istati Membri, inkluż Robert Abela, jgħidu li “l-Unjoni Ewropea hija impenjata li żżid it-tħejjija u l-kapaċitajiet tad-difiża ġenerali tagħha biex tlaħħaq mal-ħtiġijiet u l-ambizzjoni tagħha fil-kuntest ta’ theddid u sfidi ta’ sigurtà li qed jiżdiedu.”
//= $special ?>