Lokali

L-aġenziji tal-Gvern m’għandhomx jintużaw biex jaħslu l-flus ta’ Robert Abela u sħabu

Permezz ta’ rapporti li dehru fit-Times of Malta u The Shift News, kif ukoll Mistoqsijiet Parlamentari li saru mix-Shadow Minister Mark Anthony Sammut, sar magħruf kif mill-anqas żewġ aġenziji tal-Gvern għadhom jikru l-karozzi tagħhom mingħand kumpanija ta’ Christian Borg, akkużat bi ħtif ta’ persuna u investigat dwar traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus proprju bil-kumpaniji tal-karozzi.

Il-kuntratti li Princess Operations, li x-shareholder tagħha u allura l-benefiċċjarju tagħha hu l-istess Christian Borg, għandha kemm mal-LESA (l-Aġenzija għall-Infurzar Lokali) kif ukoll ma’ Transport Malta. Dan juri kif wasalna fl-istat fejn il-Gvern stess qed jassisti l-ħasil tal-flus ta’ allegat traffikant tad-droga permezz tal-fondi pubbliċi.

Dan meta l-istess Borg kellu l-liċenzja tiegħu għal kiri tal-karozzi sospiża minn Transport Malta stess fl-2019, liema sospensjoni kienet konfermata mill-Qorti tal-Appell sena ilu.

Il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija, li minflok jiġġieled il-kriminalità organizzata, pajjiżna spiċċa jassistiha u dan kollu għax dan l-istess allegat traffikant ġie żvelat li mhux biss kien jinnegozja l-artijiet flimkien ma’ Robert Abela, iżda wkoll kien jgħaddi għexieren ta’ eluf ta’ ewro fil-kontijiet ta’ Robert Abela u Lydia Abela, liema kontijiet qajmu suspetti kbar għal investigazzjoni mill-Bank.

Issa qed isir aktar ċar, qal il-PN, għaliex Robert Abela dejjem ivvota kontra liġijiet li jgħinu fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u għalfejn dejjem kien kontra l-Unexplained Wealth Orders u l-investigazzjonijiet fuq ġid mhux spjegabbli.