Lokali Parlament

L-anzjani fil-homes m’għandhomx ikunu suġġetti għal eżami mentali degradanti biex jivvutaw


Paula Mifsud Bonnici, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici sostniet fl-Aġġornament tal-Parlament, li l-anzjani fil-homes m’għandhomx ikunu suġġetti għal eżami mentali degradanti biex jivvutaw.


Paula Mifsud Bonnici esprimiet tħassib dwar il-mod ta’ kif l-anzjani fir-residenzi u fl-istituzzjonijiet qed jiġu trattati fejn jidħol id-dritt tagħhom tal-vot.


Issa li nhar it-8 ta’ Ġunju li ġej, se jsiru l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, fid-djar għall-anzjani u fl-istituzzjonijiet qed isiru l-intervisti bil-Bord Mediku stabbilit mill-liġi biex jiġi aċċertat li kull anzjan u anzjana kapaċi jivvotaw.


Kull persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u tivvota fl-elezzjonijiet irrispettivament mill-età u irrespettivament minn problemi tas-saħħa li jista’ jkollha. Madankollu hemm sitwazzjonijiet fejn nuqqas ta’ kapacità mentali jżomm lill-anzjani milli jeżerċitaw dan id-dritt, u dan skont kif tgħid il-liġi nnifsiha. Fil-passat kien hemm min kien qed jabbuża mill-fragilità ta’ dawn l-anzjani fil-gurnata tal-elezzjoni.


Hi qalet li l-kostituzzjoni tispeċifika li ħadd ma jkun kwalifikat bħala elettur, jiġifieri bħala votant, jekk ikun interdett jew inabilitat minħabba xi mard mentali minn qorti f’Malta, jew ikun xort’oħra deċiż f’Malta li jkun ta’ moħħ marid.


L-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali jispeċifika li għandu jitwaqqaf Bord Mediku li lilu jiġu riferiti kwistjonijiet dwar jekk votant ikunx skwalifikat milli jivvota skont il-Kostituzzjoni.


Il-Bord Mediku għandu jkun magħmul minn tabib maħtur mill-Kummissjoni, li għandu jippresiedi u tabib maħtur minn kull wieħed mill-partiti politiċi. Id-deċiżjoni tal-Bord Mediku tkun finali u torbot kemm lill-Kummissjoni u lill-elettur, u ma jista’ jsir ebda appell dwarha.


Id-deċiżjonijiet tal-Bord Mediku għandhom jittieħdu b’vot unanimu u għandhom jitwasslu bil-miktub lill-Kummissjoni li wara tgħarraf lill-eletturi bihom. Il-Bord Mediku għandu jirregola l-proċeduri tiegħu stess.
Paula Mifsud Bonnici sostniet li tħoss li qegħdin nittrattaw lill-anzjani li qegħdin fil-homes u fl-istituzzjonijiet b’mod degredanti u ħafna u ħafna differenti mill-anzjani kollha li mhumiex qegħdin f’home u f’istituzzjoni.


X’jagħmel anzjan eliġibbli biex imur f’home jew jibqa’ barra minn home? Żgur li mhux għax ikollhom xi inabbiltà mentali biss, u allura għaliex qed jingħata dan it-timbru lill-anzjani li qegħdin fil-homes li dawn, għax qegħdin f’home, bħal donnu kollha għandhom inkapaċità mentali.


Hawn eluf ta’ anzjani li għadhom jgħixu fid-djar tagħhom li wkoll għandhom inabbiltà mentali u wkoll jista’ jkun li dawn mhumiex kapaċi jivvutaw, imma lil dawn ma jsirilhom l-ebda eżami. Imma għax l-anzjani jkun f’dar tal-anzjani jew istituzzjon,i hemmhekk jridu u ma jridux, l-ewwel iridu joqogħdu għal test li jsirlhom fil-home stess imbagħad iridu jidhru quddiem il-Bord Mediku jekk ma jgħaddux minn dan it-test.


L-amministratturi tal-homes irċevew ittra biex jagħmlu dan it-test lill-anzjani li qegħdin fid-djar tal-anzjani. Dan hu test ta’ seba’ domandi li jekk iġibu minn zero punt sa seba’ punti, jitqiesu normali u jekk igib tmien punti jew iżjed – sa 28 – jitqiesu mhux normali u jiġu riferuti għall-Bord Mediku. Il-mistoqsijiet lill-anzjani huma biex jgħidu b’lura mill-20 sal-wieħed, u jgħidu b’lura x-xhur tas-sena.


Għal kull żball jitnaqassulhom żewġ punti; jiġifieri jekk jagħmlu biss erba’ żbalji jeħlu minn dan it-test u jridu jitilgħu quddiem il-Bord Mediku.


Id-deputat Nazzjonalista sostniet li dawn il-mistoqsijiet u r-risposti li jagħtu l-anzjani ma jagħmlux lill-anzjan eliġibbli biex jivvotaw. Mhux kull anzjan mar l-iskola u mhux kull anzjan jibqa’ ffukat bħalma kien, imma għax jieħu żball meta jgħid in-numri bil-maqlub, u jekk jgħid ix-xhur tas-sena b’lura ħażin, ma jfissirx li ma jafux jivvotaw. Ma jfissirx li ma jafux x’inhu jiġri fil-pajjiż jew li ma jafux lil min jippreferu biex imexxi l-pajjiż.


Jirriżulta li l-Bord Mediku għaddej ġmielu jagħmel l-intervisti lil ħafna u ħafna anzjani fid-djar tal-anzjani għaliex ovvjament ħafna kienu l-anzjani li m’għaddewx minn dan it-test.


Hemm diversi lmenti minn anzjani nnfushom u familjari tagħhom li huma inkwetati bil-mod kif qed isiru dawn l-intervisti – fejn il-mistoqsijiet li qed isiru lill-anzjani mhumiex kollha l-istess u kulma jmur il-mistoqsijiet qed isiru aktar kumplessi u speċifiċi tant li qed isir iktar diffiċli biex l-anzjani jgħaddu minn dan l-eżami.


Il-Bord Mediku skont il-ligi għandu jkollu proċedura, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li staqsiet: Fejn qiegħda din il-proċedura? Il-Kummissjoni Elettorali għandha f’idejha din il-proċedura? X’inhuma l-mistoqsijiet li suppost isiru biex il-Bord Mediku jistabbilixxi li anzjan jew anzjana ma jittiħdulhomx il-vot? Għaliex lill-anzjani qegħdin isaqsuhom – lil min ħa tivvota fl-elezzjoni li ġejja? Għaliex lill-anzjani qegħdin isaqsuhom min huma l-mexxejja attwali tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista?


Paula Mifsud Bonnici staqsiet jekk hux ġust li jiġu tliet persuni li l-anzjani ma jafuhomx – għajr forsi għal Charmaine Gauci – u minn imkien isaqsu lill-anzjani dawn il-mistoqsijiet? L-anzjani jistgħu jħossu li qed issir pressjoni fuqhom, li qed jiġu mhedda u li jaħsbu li jistgħu jsofru xi riperkussjonijiet skont kif jirrispondu.


Hawn anzjani li għax jibżghu li se jiżvelaw l-alleanza tagħhom lejn partit jew ieħor, mhux qed jirrispondu dawn id-domandi u qed jittiħdilhom il-vot. Hi qalet li taf b’anzjani li għax twerwru ma rrispondewx u għax ma rrispondewx, ittiħdilhom il- vot.


Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-Kummissjoni Elettorali għandha b’mod immedjat tidhol f’din il-kwistjoni u tistabbilixxi flimkien mal-Bord Mediku, sett ta’ mistoqsijiet li jkunu identiċi, ċari u sempliċi għal kulħadd.
L-għan tal-Bord Mediku mhuwiex li l-anzjani jitneħħilhom id- dritt tal-vot imma li naraw li titneħħa t-tensjoni bla bżonn fuq dawk l-anzjani li minħabba mard ma baqgħalhomx iżjed il-kapaċità mentali li jafu x’inhu vot.


Il-Kummissjoni Elettorarli trid tiżgura li l-anzjani jkollhom id-dritt li jkunu jafu min huma l-membri tal-Bord Mediku, li jkunu jafu għaliex ġew u jkunu jafu wkoll x’inhu l-iskop veru tal-intervista.


Paula Mifsud Bonnici qalet li ċ-Chairperson tal-Bord Mediku, Charmaine Gauci, għandha wkoll rwol importanti u trid tkun preżenti f’din l-intervista u għandha tara li dawn il-proċeduri ma jinbidlux, li ma taċċetta ebda tibdil waqt li jkollha r-rwol li sserraħ ras l-anzjani għaliex din l-intervista qed issir.