Internazzjonali

Medda ta’ Gaza: Ir-riżoluzzjoni tan-NU ma affettwatx l-intensità tal-battalji bejn Iżrael u l-Ħamas

Ir-riżoluzzjoni tant mistennija tan-Nazzjonijiet Uniti biex jieqaf il-ġlied ta’ Gaza qed tidher li waqgħet fuq widnejn torox – u meta fl-aħħar sigħat il-battalji bejn l-Armata Iżraeljana u l-grupp Ħamas kienu qed ikomplu bl-istess intensità bħal qabel.

Ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li għaddiet nhar it-Tnejn sejħet ukoll għall-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani kollha li ilhom miżmuma mill-Ħamas mindu t-terroristi Palestinjani  assedjaw il-komunitajiet ta’ Iżrael ‘il hinn minn Gaza waqt il-massakri storiċi tas-7 ta’ Ottubru.

Intant, l-indikazzjonijiet huma li dan l-impenn għall-ħelsien tal-ostaġġi għandu jfalli – l-istess bħat-tentattivi preċedenti li ilhom għaddejjin minn Ottubru.

Fl-aħħar sigħat, is-sorsi f’Gaza qalu li numru ta’ ajruplani tal-gwerra Iżraeljani ibbumbardjaw il-belt ta’ Rafah lejn in-naħa t’isfel ta’ Gaza u li hi mimlija bir-refuġjati li qegħdin jaħarbu mill-konflitt tal-art. Sadanittant, il-media Palestinjana qalet li mietu tal-anqas 20 waqt attakk mill-ajru fuq bini residenzjali.

Fl-istess ħin, l-isparaturi mal-art ma naqsux bejn it-truppi Iżraeljani u l-Ħamas li qed jissieltu għall-kontroll f’Khan Younis, kif ukoll fil-Belt ta’ Gaza. Il-battalji f’Khan Younis, intant, kienu qed iqarrbu lill-isptarijiet u kumplessi ċivili oħra u fejn il-periklu għar-residenti ċivili kien irrappurtat bħala ‘xejn anqas minn ta’ qabel il-konferma tar-riżoluzzjoni (tan-NU)’.

L-Istati Uniti, nhar it-Tnejn – u għall-ewwel darba – astjeniet mill-vot li ttieħed mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u dan ippermetta biex il-mozzjoni tgħaddi mingħajr problemi. Sadanittant, jidher li d-deċiżjoni tal-Istati Uniti ma niżlet tajjeb xejn mat-Tmexxija Iżraeljana li fl-aħħar sigħat ħassret laqgħa f’Washington li kellha ssir bis-sehem tar-Rappreżentanti tagħha.

Hu minnu wkoll li kibret it-tensjoni bejn il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, u l-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu. Dan meta Netanyahu baqa’ jinjora t-talbiet biex inaqqas mill-qilla tal-offensiva fuq Gaza li qed tħalli impatt dirett għall-popolazzjoni ċivili.

Fl-istess ħin, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Iżraeljan, ilbieraħ, ħareġ stqarrija fis-sens li Iżrael fl-ebda ħin mhu se jbaxxi rasu għad-domandi tal-Ħamas relatati ma’ waqfien mill-ġlied – u li Iżrael iqishom bħala ‘mingħajr l-ebda sens jew raġuni’.