Lokali Parlament

Reputazzjoni ħażina tfisser li nitilfu impjiegi ta’ kwalità fis-servizzi finanzjarji inkluż fis-settur tal-VFAs


– Jerome Caruana Cilia, PN

Id-Deputat Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Ekonomija, l-Intrapriżi u s-Servizzi Finanzjarji Jerome Caruana Cilia, saħaq fl-Aġġornament tal-Parlament li l-fatt li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna ħadet daqqa ta’ ħarta fl-aħħar snin, qed tħalli inċertezza fuq l-investiment u tnaffar opportunitajiet kbar fis-settur finanzarju, b’mod partikolari fejn jidħlu opportunitajiet ġodda bħat-teknoloġija finanzjarja u l-Virtual Financial Assets (VFAs).

Jerome Caruana Cilia esprima s-sodisfazzjon għall-fatt li l-MFSA qed turi li hija konxja mir-riskji marbuta mas-settur tal-VFA, u għaldaqstant qed timponi proċeduri ta’ due diligence b’saħħithom fuq dawk li jridu joffru s-servizzi tagħhom, proċeduri li jħarsu lejn ir-reputazzjoni, kompetenza, impenn u kunflitti ta’ interess ta’ dawn il-kumpaniji. Ir-riskji li jġib miegħu dan is-settur kienu osservati wkoll fin-National Risk Assessment ippubblikat dan l-aħħar.

Jerome Caruana Cilia insista li b’rieda tajba li nattiraw lejn pajjiżna kumpaniji u servizzi ta’ kwalità, dawn ir-riskji jistgħu jiġu indirizzati u dan is-settur jgħin biex inkomplu nwessgħu l-offerta tal-ġurisdizzjoni Maltija fejn jidħlu prodotti u servizzi finanzjarji, li huma sors ta’ ġid u impjiegi ta’ livell għoli.

Madankollu, id-deputat Nazzjonalista insista li huwa inutli li noffru prodott ta’ kwalità jekk pajjiżna jibqa’ mtappan b’reputazzjoni li ma tagħmillux ġieħ. “Ir-reputazzjoni hi kollox. Jeħtieg ukoll li nħarsu l-ease of doing business f’dan is-settur u mhux inżidu l-burokrazija u d-dewmien żejjed”, żied jgħid Jerome Caruana Cilia.


Biex isostni dan, huwa kwota r-rapport riċenti tal-GRECO li fl-aħħar jiem kixef kif pajjiżna implimenta b’mod sodisfaċenti erbgħa biss minn 23 rakkomandazzjoni fil-qasam tal-korruzzjoni fl-2019. Filwaqt li 10 oħra ġew implimentati parzjalment, disgħa oħra qatt ma ġew implimentati. Dan in-nuqqas ta’ rieda politika tal-Gvern biex jiġu implimentati r-rakkommandazzjonijiet wasslet biex il-GRECO kkonkluda li pajjiżna “is not in sufficient compliance”.

“Dan ma jawgurax tajjeb wara li fl-aħħar snin pajjiżna kellu esperjenza negattiva bil-falliment sħiħ tal-politika dwar il-blockchain, u wisq agħar meta ġejna grey-listed mill-awtoritajiet internazzjonali responsabbli mill-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus”, wissa x-Shadow Minister għall-Ekonomija, l-Intrapriżi u s-Servizzi Finanzjarji.

Huwa rrefera wkoll għall-inċertezza li qed tinħoloq meta l-aġenzija responsabbli mill-ġlieda tant importanti kontra l-ħasil ta’ flus, l-FIAU, minkejja l-ħidma utli ħafna f’dan is-settur, qed titlef kawża kostituzzjonali wara l-oħra dwar multi li imponiet fl-aħħar snin. Caruana Cilia spjega kif dawn il-fatturi kollha flimkien joħolqu sitwazzjoni li mhix attraenti għall-investiment. Hawnhekk, huwa esprima d-diżappunt għall-fatt kif minkejja Malta kellha bażi soda fis-servizzi finanzjarji, is-sitwazzjoni fl-aħħar snin wasslet biex pajjiżi Ewropej żgħar oħra, illum għamlu passi ta’ ġgant u “ħadulna t-tapit minn taħt saqajna” fir-rigward tal-iżvilupp tas-settur finanzjarju diġitali.

“Pajjizna jixraqlu aħjar. Flimkien biss, b’rieda tajba nistgħu naħdmu biex noħolqu l-ġid, noħolqu karrieri ta’ kwalità u noħolqu opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ tagħna biex verament insaħħu s-settur tal-VFAs f’pajjiżna” temm jgħid id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.