Lokali

Kollox jindika li Rosianne Cutajar mhix se trodd il-flus lura anke jekk tagħmel apoloġija

Qed tissokta l-pressjoni fuq Robert Abela hekk kif sorsi qrib iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista qed jisħqu li t-tensjoni fi ħdan l-istrutturi tal-Partit tal-Labour qed tiżdied ma kull jum li jgħaddi – ġranet li fihom s’issa d-Deputat Indipendenti Rosianne Cutajar għadha m’għamlitx l-apoloġija mitluba mill-Prim Ministru.  

Fl-aħħar jiem ġie rrapportat mill-gazzetta MaltaToday li ħadd mil-Labour ma kien qed jistenna li Abela kien se jitlob lil Cutajar tiskuża ruħha biex iħalliha tidħol lura fil-Partit – fatt li rrabja lill-Eks Segretarju Parlamentari Laburista u l-klikka tagħha fis-Sitt Distrett.

Tant hu hekk, li fl-aħħar ħarġa tal-gazzetta ‘It-Torċa’, l-Eks Deputat Mexxej tal-Labour Joe Brincat staqsa għalfejn għandha tagħmel apoloġija, u attakka lil Abela billi qallu li jekk tipponta subgħajk lejn persuna …jkollok tlieta jippuntaw lejk.

Għaldaqstant, it-Tnejn filgħodu l-ġurnalisti staqsew lil Abela jekk Cutajar għamlitx apoloġija kif mitlub …bil-Prim Ministru jagħti x’jifhem li le. Iżda insista li l-apoloġija trid tagħmilha fi ħdan l-istrutturi tal-Partit Laburista.

Wara tali stqarrija, inevitabbilment staqsejnih jekk l-apoloġija hux qed jitlobha li tindirizzaha lil-Labour jew lill-poplu …b’Abela saħansitra jagħti x’jifhem li m’hemm ebda differenza.

Imbgħad, Abela l-ewwel attakkana billi sostna li ma nagħmlux domandi ġenwini – imbagħad stqarr li kulħadd jaf dwar liema temi għandha tiskuża ruħha.

Għaldaqstant mistoqsi jekk l-apoloġija hijiex immirata għall-impjieg mal-ITS deskritt bħala wieħed fantażma mill-NAO – staqsejnih ukoll jekk Rosianne Cutajar hux se tirritorna l-eluf ta’ ewro li tħallset għalih minn but il-poplu. Iżda Abela ta x’jifhem b’mod ċar …li le.

Fl-aħħar xhur Rosianne Cutajar kienet insistiet li hi m’għamlet xejn ħażin; anzi kienet saħqet li kien hemm min prova jimmina l-karriera politika tagħha – dan filwaqt li il-propagandista ewlieni Laburista, Manuel Cuschieri, kien saħaq li Cutajar għaddejja minn tortura u kalvarju.

Hu għalhekk, li wieħed jistaqsi għal liema raġuni Abela qed jistenna l-apoloġija mingħand Cutajar u mingħand oħrajn le. Fosthom il-Ministri Byron Camilleri – b’rabta mal-imwiet fil-ħabs u l-inkjesta interna li sabet l-Istat ħati fil-qtil ta’ Bernice Cassar; lill-Ministru Ian Borg b’rabta mar-racket tal-liċenzji tas-sewqan; u lill-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi li kien il-Ministru responsabbli mill-Ippjanar lura f’Diċembru tal-2022 meta ħajjet Jean Paul Sofia nħatfet taħt il-konkos u t-terrapien f’Kordin.

Minn dawn il-persuni kollha, għal xi raġuni li s’issa għadu mhux magħruf, laqtu l-umiljazzjoni mingħand Abela biss Rosianne Cutajar u l-Eks Ministru Aaron Farrugia.