Lokali

“Toħrog biċ-ċar l-ipokrezija ta’ Robert Abela” – PN

Dawn l-aħħar jiem kienu ddominati mill-ipokrezija ta’ Robert Abela fejn hawn Malta juża narrativa li hu kontra li l-Unjoni Ewropa tinvesti fid-difiża tal-membri tagħha; imbagħad meta ġie għall-fatti vvota favur.

Dan kien il-messaġġ ewlieni li twassal mix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami u mill-kandidat għal MEPs Lee Bugeja Bartolo, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar Ċentrali tal-PN.

Ritratt: Matthew Tabone

Beppe Fenech Adami spjega kif Robert Abela fil-każini hawn Malta baqa’ jgħid li hu kontra investiment fid-difiza u ftit ġranet ilu b’mod attiv ipparteċipa u għażel li jivvota favur id-difiża. Għalhekk  issa waqgħet il-maskra ta’ Robert Abela hekk kif anke qed jiftaħar kif bis-saħħa tiegħu l-klawżoli qed jiddefendu n-newtralità ta’ pajiżna – meta din il-klawżola tan-newtralità ilha teżisti sa minn meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea.

Beppe Fenech Adami spjega wkoll li Malta ilha snin tgawdi minn fondi Ewrpej biex issaħħaħ id-difiża tagħha; u għalhekk Robert Abela għandu bżonn jiddeċiedi.

Ritratt: Matthew Tabone

Minn naħa tiegħu, Lee Bugeja Bartoli, il-Kandidat għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej, spjega kif il-Gvern ta’ Robert Abela qed jipprova jdawwar id-diskors. Dan hekk kif id-difiża ma tfissirx biss armamenti imma anka sorveljanza u cyber defence  fost  oħrajn.

Għalhekk, huwa importanti li dawn id-dipartimenti jkollhom l-għajnuna kollha li għandhom bżonn.