Elezzjonijiet 2024 Lokali

ABELA IŻOLAT: Issa jeħodha wkoll kontra s-Soċjalisti Ewropej

Wara jiem iżolat mill-ogħla esponenti Ewropej u mill-Prim Ministri fi Brussell, issa Robert Abela kompla jeħodha kontra l-investiment fid-difiża – meta kien hu stess li vvota favurih.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet ta’ Net News, Robert Abela ħadha apertament kontra s-Soċjalisti Ewropej, li l-Partit Laburista li jmexxi hu stess jifforma parti minnhom.

Dan meta staqsejnih kif baxxa rasu għall-manifest li ressqu s-Socjalisti għall-elezzjonijiet tal-MEPs – manifest li f’punt numru 18 jitkellem dwar il-bżonn l-Ewropa żżid l-investiment fid-difiża.

U kien propju hawnhekk fejn ħareġ jattakka lis-Soċjalisti; ċioè, il-grupp li jifforma parti minnu huwa stess.

Fl-aħħar jiem rajna mill-ġdid lil Robert Abela jwettaq u-turn oħra wara ġimgħat fejn prova jnissel biża’ fost il-poplu Malti u Għawdxi, filwaqt li għażel li jdawwar tema tant delikata f’attakk partiġjan. Biex issa vvota favur mhux biss l-investiment fid-difiża, iżda fiż-żieda ta’ din in-nefqa.

Il-u-turn ta’ Robert Abela tant ħammret wiċċ it-tmexxija tal-Labour, li issa l-Prim Ministru spiċċa iżolat. U qiegħed saħansitra jeħodha kontra s-Soċjalisti Ewropej li anke huma – b’mod loġiku – jridu investiment fid-difiża.

Abela ilu ġimgħa sħiħa jisħaq li – skont hu – preserva n-newtralità ta’ pajjiżna; fatt li bosta esperti u diplomatiċi qed jisħqu li kien diġà ħa ħsiebu Gvern Nazzjonalista fit-Trattat tal-Unjoni Ewropea meta Malta saret stat membru 20 sena ilu.

Fl-aħħar mill-aħħar, b’ammissjoni tiegħu stess – wara kampanja mil-Labour ibbażata fuq il-biża’ u l-firda – Robert Abela xorta ma oġġezzjonax għal aktar investiment fid-difiża; tant li spikkat biss l-ipokrezija tiegħu.