Lokali Parlament

Bħala President Myriam Spiteri Debono għandha tgħin lill-poplu jifdi lilu nnifsu u jingħaqad iktar


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Il-mozzjoni għall-ħatra ta’ President tar-Repubblika ġdid kienet approvata b’vot unanimu ta’ 75 vot favur u ebda vot kontra

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna fil-Parlament li bħala President tar-Repubblika ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono għandha tgħin lill-poplu jifdi lilu nnifsu u jingħaqad iktar.


Fis-seduta parlamentari tal-lum tressqu żewġ mozzjonijiet mill-Prim Ministru li kienu sekondati mill-Kap tal-Oppożizzjoni bi qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. L-ewwel mozzjoni kienet waħda ta’ ringrazzjament għall-President George Vella, waqt li t-tieni mozzjoni kienet dik dwar il-ħatra ta’ Myriam Sptieri Debono bħala Presdient tar-Repubblika ġdida. Il-mozzjoni dwr il-ħatra ta’ President tar-Repubblika ġdid kienet approvata b’75 vot favur u ebda vot kontra.


Meta tkellem fuq l-ewwel mozzjoni ta’ ringrazzjament lill-President George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-President George Vella baqa’ awteniku bħala bniedem rett, kolt u ta’ integrità b’sens qawwi ta’ stat. Hu qal li tul il-presidenza tiegħu, dawn l-attribwiti ħarġu kontinwament.


Din kienet presidenza li għexet il-perjodu tal-pandemija, għexet mumenti ta’ taqlib politiku fosthom b’bidliet kostituzzjonali bla ma ddaħħal fl-arena partiġjana.


Il-Prim Ministru qal li kien hemm mumenti fejn il-President Vella kellu opinjoni differenti minn tal-gvern fosthom fil-liġi dwar il-pussess tal-kannabis, fil-liġijiet tal-IVF u dwar l-abort. Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru ma irriferiex għal din il-liġi bħala dik dwar l-abort, iżda bħala “bill 28”.


Il-Prim Ministru qal li għandu s-serħan il-moħħ li mara tqila m’għandhiex titħalla f’xifer il-mewt biex tingħata l-għajnuna.


Robert Abela qal li l-President ċeda li ma jaħdimx mill-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt tul din il-presidenza biex isir ir-restawr importanti li sar fil-palazz. Impenn ieħor tal-President Vella kien favur l-ambjent u l-lingwa Maltija waqt li fl-isfera internazzjonali, il-President Vella kellu r-rispett u ppromwova lil Malta kullimkien. Il-Prim Ministru rringrazzja lill-President Vella għall-kontribut li ta u l-mod kif serva lill-pajjiż.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-President Vella ppresieda fi żminijiet diffiċli għall-pajjiż li matulhom kien hemm bidla ta’ prim ministru u bidliet fix-xenarju politiku fil-pajjiż. L-għaqal tal-President Vella u l-esperjenza tiegħu, kienu għodda importanti biex jiffaċċja dawn iż-żminijiet. Dawn kienu żminijiet tal-pandemija li fihom il-President Vella xtaq iwettaq ħidma fost il-poplu bħala tabib iżda ma setax minħabba l-COVID. Il-President Vella ittrasfora l-imħabba lejn il-pajjiż u lejn il-lingwa Maltija b’azzjonijiet.


Bernard Grech qal li seta’ sar iktar fir-riforma kostituzzjonali u awgura li fil-presidenza li jmiss, il-pajjiż jimxi f’din id-direzzjoni. Hu rrikonoxxa wkoll il-ħidma li l-President Vella għamel fil-Community Chest Fund u sostna li jeħtieġ li jsir iktar biex in-nies ma jibqgħux imorru jittallbu għall-għajnuna.


Bernard Gerch qal li kien George Vella li ma qabilx li jidħol l-abort u li ra li jkun hemm verżjoni ta’ liġi li tipproteġi l-ommijiet u t-trabi. Hu sellem lis-Sinjura Miriam Vella, il-mara tal-President, li kienet kumpann speċjali għall-Preident u spalla b’saħħtiha għalih. F’isem l-Oppożizzjoni, Bernard Grech irringrazzja lill-President Vella għall-kontribut politiku lill-pajjiż u qal li l-President Vella fadallu ħafna x’jagħti lill-pajjiż.


Wara l-ewewl mozzjni, il-Prim Ministru ressaq it-tieni mozzjoni li kienet titratta l-ħatra ta’ President tar-Repubblika ġdid.


Il-Prim Ministru qal li dan hu jum storiku li ġab bidla kbira għall-mod kif taħdem il-kostituzzjoni; f’dan il-każ fil-mod kif ikun elett il-President tar-Repubblika. Din il-bidla kienet waħda mid-diversi riformi ħolistiċi li saru li laqtu lill-ġudikatura u karigi mhux kostituzzjonali.


Il-Prim Ministru qal li l-gvern daħħal riformi kuraġġużi li qatt ma saru qabel sa mill-1964. Hu tkellem fuq in-nomina ta’ Myriam Spiteri Debono u qal li hi għandha l-kwalità li ġġib l-għaqda nazzjonali; dan urietu meta kienet Speaker tal-Parlament fejn kienet l-ewwel Speaker mara.


F’dak il-perjodu, bejn l-1996 u l-1998, Myriam Spiteri Debono wettqet id-doveri tagħha b’mod li l-messaġġi wasslu b’saħħitom bla ma ħolqot ċirkostanza fejn jonqos ir-rispett lejha jew lejn l-Ispeaker. Myriam Spiteri Debono għandha għarfien tajjeb ħafna tal-kostituzzjonali u għalhekk se tkun gwardjan tajjeb tagħha.


Il-Prim Ministru qal li tkun ġej mill-politika mhux kriterju assolut għall-kariga ta’ President għalkemm hemm ċertu vantaġġi. Hu qal li kien se jirreżiti l-idea li bilfors, għal skop ta’ għaqda, kellu jingħaqel persuna minn barra l-politika bħala President tar-Repubblika. Hu qal li Myriam Spiteri Debono hi persuna li qatt ma beżgħet mill-progress.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ikkwota silta minn diskors ta’ Myriam Sptieri Debono fis-6 ta’ Settembru 2021 meta qalet li hemm bżonn li l-pajjiż jinbena mill-ġdid u jingħaqad biex jitwettqu t-tibdiliet neċessarji f’dan iż-żmien; liema tibdliet li diġà bdew isiru. Dan hu kliem li juri li Myriam Sptieri Debono għandha l-kwalitajiet ta’ integrità li tkun tista’ sservi f’pożizzjoni għolja ta’ awtorità.


Bernard Grech qal li Myriam Sptieri Debono hi persuna enfaptika li taf tħobb billi tgħin, tgħallem u tisma’. Hu awgura li permezz ta’ dawk il-kliem li qalet fl-2021, twassal biex tgħin lill-poplu jifdi lilu nnifsu mill-ġdid.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar il-mod kif inħatru l-Presidenti tar-Repubblika u qal li fil-passat kien hemm anki prim ministru li għażel President min-naħa l-oħra tal-ispettru politiku, iżda din l-emenda tat l-opportunità ta’ għażla ta’ President tar-Repubblika mill-parlament kollu.


Is-suċċess tar-riformi jiddependi mill-mod kif jitħaddmu, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li rringrazzja lill-Prim Ministru għall-mod kif saru t-tliet laqgħat bejniethom biex intlaħaq ftehim.


Il-Kap tal-Oppożizjzoni awgura lil Myriam Sptieri Debono biex bħala President ta’ Malta tgħin lill-poplu jifdi lilu nnifsu u jingħaqad biex ikompli jikber u jimmatura biex ikun kburi bil-passat u bil-futur li għad irid jikteb.