Lokali

BirdLife Malta tipproponi moratorju fuq il-kaċċa għall-Gamiema fir-rebbiegħa

It-talba, sostnuta minn rapport dettaljat, se titressaq waqt laqgħa tal-Kumitat ORNIS li se ssir il-ġimgħa d-dieħla biex tiddiskuti l-istaġun li jmiss tal-kaċċa fir-rebbiegħa

BirdLife Malta qed tipproponi moratorju fuq il-kaċċa għall-Gamiema fir-rebbiegħa, fid-dawl tal-evidenza xjentifika li turi li din l-ispeċi vulnerabbli kulma jmur qed tkompli tonqos.

Din it-talba, sostnuta minn rapport dettaljat, se titressaq quddiem laqgħa tal-Kumitat ORNIS li se ssir il-ġimgħa d-dieħla biex tiddiskuti l-istaġun li jmiss tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-Gamiema. Din il-laqgħa se ssir it-Tlieta 2 ta’ April wara li kienet posposta darbtejn mill-20 u s-27 ta’ Marzu.

BirdLife Malta kienet diġà ssottomettiet dan ir-rapport lill-membri tal-Kumitat qabel l-ewwel laqgħa li kienet ippjanata għal Marzu. Ir-rapport dettaljat jiffoka fuq il-Gamiema u jiddokumenta s-sitwazzjoni marbuta mal-istatus ta’ dan l-għasfur u r-raġunijiet għalfejn din l-ispeċi għandha tkun imħarsa matul il-perjodu kruċjali tal-passa tar-rebbiegħa.

Fil-linja tal-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport, BirdLife Malta ressqet mozzjoni li titlob lill-Gvern Malti biex jerġa’ jdaħħal moratorju fuq il-kaċċa għall-Gamiema fir-rebbiegħa. Dwar dan se jittieħed vot fl-istess laqgħa li matulha se ssir ukoll diskussjoni fuq proposti biex jinfetaħ staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa u staġun tal-insib għall-Gamiem – proposti li tressqu mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK).

Il-proposta biex isir l-insib għall-Gamiem li jinżamm biex jiġi mrobbi fil-magħluq, hija tentattiv ieħor min-naħa tal-FKNK biex tagħmel pressjoni fuq il-Gvern ħalli jinjora t-talbiet tal-esperti tal-UE biex jitwaqqaf it-teħid ta’ din l-ispeċi madwar l-Ewropa kollha. Fil-passat, Malta kienet ġiet imwaqqfa milli tkompli tonsob għall-Gamiem permezz ta’ Proċedura ta’ Ksur.

Jeżisti wkoll riskju li bil-proposta tal-FKNK biex tkompli tiġi permessa l-kaċċa għall-Gamiem fir-rebbiegħa, l-istaġun jispiċċa suġġett għal kawża quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, hekk kif il-Kummissjoni Ewropea għaddejja bi Proċedura ta’ Ksur separata li wasslet biex fi Frar 2023 inħarġet Ittra ta’ Intimazzjoni addizzjonali kontra Malta.

Ir-rapport ta’ BirdLife Malta dwar l-istatus ta’ konservazzjoni tal-Gamiema, li qed jintbagħat lill-midja ma’ din l-istqarrija, jista’ jiġi aċċessat ukoll mill-pubbliku mis-sit elettroniku ta’ BirdLife Malta, qabel il-laqgħat tal-ORNIS tal-ġimgħa d-dieħla.

Ir-rapport jinkludi data minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħalma huma l-Għaqda Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN), il-European Bird Census Council (EBCC) u l-PanEuropean Common Bird Monitoring Scheme (PECBMS) li turi b’mod ċar it-tnaqqis kostanti tal-Gamiema. Jirreferi wkoll għar-rapport annwali li jinħareġ mit-Taqsima għar-Regolamentazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (WBRU) u juri d-diversi nuqqasijiet li fih, liema nuqqasijiet jintużaw biex tkun iġġustifikata deroga għall-kaċċa fir-rebbiegħa.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, ir-rapport ta’ BirdLife Malta jelenka disa’ raġunijiet għalfejn staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-Gamiema m’għandux jiġi permess, u jitlob moratorju fuq il-kaċċa għal din l-ispeċi vulnerabbli.