Lokali

Għat-taħwid dejjiemi ta’ Gvern Laburista jħallas il-poplu Malti u Għawdxi kollu – PN

Sa fl-aħħar issir ġustizzja wara l-inġustizzja li saret taħt Gvern Laburista

Għat-taħwid ta’ inġustizzja ta’ Gvern Laburista, mhux biss batew il-vittmi l-aktar fil-qrib ta’ persuni li baqgħu bla kumpens mill-ishma tagħhom fl-Eks Bank Nazzjonali ta’ Malta, imma issa, għal din in-negliġenza tal-Gvern Laburista tal-passat, se jkollu jħallas il-poplu Malti u Għawdxi kollu. 

Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Finanzi Graham Bencini qal li mhux biżżejjed li l-Gvern Laburista jkompli bin-nefqa rikorrenti mhux sostenibbli tiegħu, grazzi għall-mod kif qed iberbaq il-fondi pubbliċi.

Lanqas nhu biżżejjed li l-Gvern Laburista jkompli jgħabbi lil pajjiżna bid-dejn, li sal-aħħar tal-2023 laħaq ftit anqas minn €10 biljun u hu mbassar li jiżdied bi €3 biljun oħra fis-sentejn li ġejjin biex jilħaq total ta’ ftit aktar minn €13-il biljun sal-2026.

Mhux biżżejjed li dan il-Gvern Laburista kontinwament jaqbeż in-nefqa bbaġitjata tiegħu fuq proġetti kapitali b’ħafna miljuni u b’hekk iwassal għal pressjoni finanzjarja fuq il-finanzi pubbliċi li tikkontribwixxi għaż-żieda fid-dejn annwali tal-pajjiż, u li se jkun ta’ piż kbir għall-ġenerazzjonijiet futuri tagħna.

Mhux biżżejjed li dan il-Gvern Laburista jibqa’ kontinwament jippremja lil dawk l-eqreb tiegħu b’salarji għoljin imħallsa minn fondi pubbliċi.

Issa, saħaq Graham Bencini ,wara d-deċiżjoni tal-Qorti fejn fl-aħħar saret ġustizzja wara l-inġustizzja tal-Gvern Laburista, il-poplu Malti u Għawdxi se jkollu jħallas €111-il miljun minħabba t-tmexxija ħażina u bla galbu ta’ Gvern Laburista meta 50 sena ilu, il-Gvern immexxi mill-Partit Laburista ċaħħad żewġ partijiet ta’ azzjonisti mingħajr kumpens mill-ishma tagħhom fl-Eks Bank Nazzjonali ta’ Malta.

Dan hu tberbiq u ħela irresponsabbli ta’ fondi pubbliċi li għandhom jintużaw biex jgħinu lill-poplu u lin-negozji Maltin u Għawdxin jegħlbu l-isfidi finanzjarji tagħhom ta’ kuljum u mhux biex iħallsu għad-deċiżjonijiet ħżiena li ħadu Gvernijiet Laburisti tal-passat u li dan il-Gvern Laburista preżenti għadu jieħu.