Internazzjonali

Ħaiti: Traffikar tal-armi li qed jixpruna l-imwiet u l-anarkija

Il-pajjiż ta’ Ħaiti, fil-Karibew, issa jista’ jkun iddikjarat Stat fallut, aktar minn ġimagħtejn wara r-riżenja ta’  Ariel Henry minn Prim Ministru.

Il-ħuġġieġa ta’ vjolenza, anarkija u mewt li ddominat fil-kapitali Port-au-Prince u l-madwar, qed issir agħar fost it-traffikar illegali tal-armamenti lill-gruppi – gangs – li jikkontrollaw it-toroq waqt li jiġġieldu għal aktar territorju.

Jerġa’ aktar inkwetanti hu li, wara ġranet ta’ stennija u vjolenza, għad ma ħareġ l-ebda dettall dwar kunsill presidenzjali transitorju li kellu jibda jiffunzjona minn Port-au-Prince. Il-proliferazzjoni tal-armi lill-entitajiet vjolenti hi proprju waħda mill-ħafna sfidi kbar li dan il-kunsill irid jiffaċċja f’pajjiż fejn il-ħajja saret wisq irħisa.

Dan ukoll meta l-eskalazzjoni tal-ġlied u l-attakki fil-kapitali, kompliet tiġġenera eżodu ta’ familji li qed jiffaċċjaw mewta vjolenti minn siegħa għal oħra.

Filwaqt li Ħaiti ma jimmanifatturax l-armi tan-nar, l-aħħar rapport tan-Nazzjonijiet Uniti kkonferma li l-gruppi fil-pajjiż issa qed jirċievu kull tip ta’ arma minn barra – minn azzarini AK47 sa machine guns u anki azzarini speċjalizzati għas-snipers.