Lokali

Il-Partit Nazzjonalista għandu pjan strateġiku u ħolistiku biex jindirizza l-għoli tal-ħajja

Il-Gvern ta’ Robert Abela qed jevita milli jindirizza din il-pjaga

L-għoli tal-ħajja hi l-aktar kwistjoni li qed tinkwieta lill-Maltin u l-Għawdxin għax qed tħalli effett diżastruż, speċjalment fuq dawk l-aktar vulnerabbli. Min-naħa tiegħu, il-Gvern qed jevita milli jindirizza din il-problema reali jew, saħansitra, mhux qed jindirizzaha.

Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo, u mix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo, kif ukoll mill-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Miriana Calleja Testaferrata de Noto.

Il-kelliema nnutaw kif, minflok indirizza l-isfida tal-għoli tal-ħajja flimkien mal-esperti u l-istakeholders relatati, il-Gvern iddeċieda li jonfoq €130,000 fuq reklamar ta’ skema għax jaħseb li jista’ jgħaddi lin-nies biż-żmien. Imma l-poplu jaf li dan kollu hu manipulazzjoni min-naħa tal-Gvern u nuqqas ta’ ħila biex jindirizza l-għoli tal-ħajja.

Quddiem dan kollu, il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-COLA m’għandhiex tkun intaxxata biex jitnaqqas il-piż fuq il-ħaddiema u fuq min iħaddem. Din il-proposta diġà sabet l-appoġġ tal-MCESD, iżda l-Gvern ta’ Robert Abela qed jagħżel li jkaxkar saqajh u xorta jintaxxa l-COLA.

Il-kelliema qalu li hu inaċċettabbli li f’pajjiżna hemm min qed jiekol b’erbat iħluq, filwaqt li oħrajn qed iħossuhom abbandunati. Hu inaċċettabbli li l-Gvern qed jixxaħħaħ mal-anzjani għax is-soluzzjoni mhijiex politika tas-slogans, iżda politika ekonomika li tmur lil hinn mill-kapitaliżmu. Il-faqar jeħtieġ pjan strateġiku u ħolistiku għax il-faqar jonqos b’investimenti qawwija, skemi serji u ħidma mal-professjonisti.

Minflok, pajjiżna għandu Gvern li mhux impenjat biżżejjed, tant li għandna aktar minn 100,000 persuna li għaddejjin minn tbatijiet kbar. Fost dawn hemm anzjani u anke żgħażagħ, li min-naħa tagħhom, jaħdmu kemm jaħdmu, ma jistgħux ilaħħqu mal-ispejjeż.