Lokali Qorti

Is-saga tal-Bank Nazzjonali: l-azzjonisti jingħataw aktar minn €111-il miljun

Żewġ partijiet ta’ azzjonisti, imċaħħda mingħajr kumpens mill-ishma tagħhom fl-Eks Bank Nazzjonali ta’ Malta meta ttieħdet mill-Gvern Laburista lura fl-1974, ingħataw total ta’ aktar minn €111-il miljun bħala kumpens materjali għall-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom.

Żewġ sentenzi mogħtija f’din is-saga li ilha żmien twil dwar it-teħid kontroversjali, b’numru ta’ azzjonisti oriġinali issa rappreżentati fil-Qorti mill-eredi tagħhom. Iż-żewġ każi, ippreżentati fl-1992 minn total ta’ 82 applikant oriġinali, iduru madwar is-saga li bdiet f’Diċembru tal-1973 meta dak iż-żmien il-Prim Ministru Dom Mintoff aġġorna l-Parlament dwar is-sitwazzjoni tal-Bank Nazzjonali ta’ Malta.

Tkellem ukoll dwar pjanijiet biex jittieħed f’idejh il-bank, u spjega li dik it-triq ‘il quddiem kienet issuġġerita minn rappreżentant tal-istess bank. Ġimgħa wara, fit-12 ta’ Diċembru 1973, l-amministrazzjoni tal-Bank Nazzjonali u l-Bank Tagliaferro kienet “temporanjament” meħuda minn kunsill amministrattiv.

F’Marzu 1974, l-assi u d-djun tal-Bank Nazzjonali ta’ Malta (BNM) ġew trasferiti lill-Bank of Valletta Limited b’att pubbliku ppubblikat min-Nutar Maurice Gambin. It-82 applikant kollha kienu fost dawk l-azzjonisti li għażlu li ma jiffirmawx ftehim biex jittrasferixxu l-ishma tagħhom lill-gvern mingħajr ħlas.

18-il sena wara dak it-trasferiment, huma ressqu l-ilmenti tagħhom il-Qorti, fejn sostnew li d-dritt fundamentali tagħhom għat-tgawdija paċifika tal-proprjetà tagħhom inkiser permezz tat-teħid tal-kontroll li għalih ma rċevew l-ebda kumpens.

Iż-żewġ kawżi mressqa minn 33 u 49 rikorrent rispettivament, mexxew fuq linji paralleli quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha. Meta ta s-sentenza, l-Imħallef Joseph R. Micallef ma laqax it-talba tar-rikorrenti biex jiġu revokati l-istrumenti leġiżlattivi li bihom sar l-akkwist.

Revoka bħal din ma kinitx se dawwar lura l-arloġġ peress li l-assi kollha tal-BNM minn dak iż-żmien kienu ġew trasferiti lill-BOV. Barra minn hekk, ma tressqet ebda prova li tipprova li dawk il-liġijiet ġew ippromulgati bi ksur tal-Kostituzzjoni jew minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ regoli legali.

Ir-rikorrenti lanqas ma pproduċew provi dwar l-istat attwali tal-kumpanija tagħhom. F’dikjarazzjoni preċedenti mill-Qorti Kostituzzjonali, l-intervent leġiżlattiv 50 sena ilu kien meqjus bħala “utli u meħtieġa fiċ-ċirkostanzi” dak iż-żmien.

Meta kienet qed tevalwa x’rimedju kellha tagħti, il-Qorti kienet talbet l-opinjoni ta’ esperti fil-qasam.

Madankollu, il-partijiet sfortunatament qattgħu “ħin konsiderevoli” jbattu fuq l-esperti ssuġġeriti miż-żewġ naħat, irrimarka l-imħallef. U anke meta fl-aħħar qablu dwar l-esperti, aktar tard “ikkritikaw bl-aħrax” ix-xogħol u l-konklużjonijiet ta’ dawk l-esperti.

Il-Qorti ddikjarat li d-drittijiet fundamentali tal-azzjonisti kienu ġew miksura, u sostniet li d-dikjarazzjoni tal-ksur ma kienx rimedju suffiċjenti. Għalhekk, ipproċediet biex tillikwida kumpens materjali għall-imsemmi ksur wara li ħadet nota ta’ diversi fatturi, inkluż l-iskadenza ta’ 18-il sena bejn it-teħid u l-preżentata tal-kawżi fil-Qorti, li jidher li jindika li l-azzjonisti “tolleraw kemxejn il-ksur”.

Meta tqies kollox, il-Qorti ċaħdet it-talba tagħhom għad-danni morali, u illimitat ruħha għal kumpens materjali li għandu jitħallas mill-Prim Ministru u l-Ministru tal-Finanzi bħala intimati. B’hekk 33 applikant ingħataw €44,737,100 filwaqt li 49 applikant ħadu €66,427,800 flimkien ma’ imgħax legali bir-rata ta’ 8% mid-data tas-sentenza.