Internazzjonali

It-traġedja f’Baltimore: ‘L-ekwipaġġ ma kellu l-ebda ċans’ …jirkupraw id-data recorder tal-bastiment

L-investigaturi li telgħu fuq il-vapur tal-merkanzija li fil-bidu tal-ġimgħa baqa’ dieħel b’veloċità fil-pont ta’ Baltimore, irnexxielhom jirkupraw id-data recorder tal-bastiment bit-tama li dan jixħet ftit tad-dawl fuq it-traġedja.

Issa hu magħruf li mietu sitta – kważi kollha ħaddiema tal-kostruzzjoni – wara li l-bastiment ‘Dali’ irreġistrat Singapore, laqat il-Pont ta’ Francis Scott Key ftit wara li kien ħareġ mill-port matul il-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta.

Il-pont – li kien inawgurat fl-1977 – ikkrolla fix-Xmara Patapsco b’konsegwenza tal-impatt, bl-awtoritajiet Amerikani qed jgħidu li din it-tip ta’ traġedja hi tassew rari fil-pajjiż.

Sar magħruf ukoll, fl-aħħar sigħat, li l-bastiment kien ħareġ messaġġ ta’ emerġenza – SOS – mumenti qabel ħabat mal-pont iżda kien tard għall-ekwipaġġ biex inaqqas mill-ispinta tal-vapur waqt il-mumenti terribbli.

Fil-fatt, l-investigaturi qalu li ladarba l-baħrin indunaw x’kien qed iseħħ, kien diġà tard wisq għalihom biex isalvaw is-sitwazzjoni.

L-investigaturi, għalissa, ikkonfermaw li l-bastiment għall-ġarr tal-kontejners – li kien qed jibda vjaġġ ta’ kważi xahar mill-port ta’ Baltimore lejn is-Sri Lanka – inqatagħlu d-dawl fil-ħin ta’ nofsillejl, bl-ekwipaġġ isib ruħu mingħajr l-ebda funzjoni elettronika jew mezz biex jiggwida lill-vapur.

Kien għalxejn – fost id-daqq tal-allarm fuq il-vapur – li l-ekwipaġġ wettaq kull manuvra ddisprata li seta’ fiċ-ċirkustanzi. Dan waqt li l-magna baqgħet ‘mejta’ avolja l-baħrin kienu attivaw generator tal-emerġenza – u meta l-ħabta mal-pont kienet mija fil-mija inevitabbli.

Min-naħa tiegħu, il-President Amerikan Joe Biden qal li l-Gvern ta’ pajjiżu se jiffinanzja ‘kompletament’ il-bini mill-ġdid tal-pont Pont ta’ Francis Scott Key li kienet fost l-attrazzjonijiet ewlenin fil-belt ta’ Baltimore.