Internazzjonali

Iżrael: Aktar sparaturi fuq it-‘tieni front tal-gwerra’ mal-Ħeżbollah

Il-militanti Lebaniżi Xiti tal-Ħeżbollah, fl-aħħar sigħat sparaw baraxx ta’ missli lejn l-artijiet ta’ Iżrael man-naħa l-oħra tal-fruntiera. Ir-rapporti qalu li tal-anqas persuna mietet fil-burraxka u li l-Ħeżbollah kienu qed iwieġbu għall-attakki preċedenti tal-militar Iżraeljan fuq villaġġ fil-Libanu.

Il-Ħeżbollah spara għexieren tar-rokets lejn il-belt Iżraeljana ta’ Kiryat Shmona, kif ukoll lejn bażi tal-Armata – b’xi missili jolqtu park industrijali bir-riżultat li kkaġunaw in-nirien.

Intant, aktar qabel kienu mietu tal-anqas seba’ fl-attakk tal-Iżraeljani li laqat l-inħawi ta’ Ħabbaniyeh. L-aggressjoni qed tissemma bħala l-akbar spinta ta’ vjolenza għal ġimgħat fuq dak il-front ta’ gwerra.

L-Iżraeljani qalu li l-attakk kien ‘neċessarju’ peress li kien immirat lejn il-militanti Xiti li, qabel, kienu involuti f’azzjonijiet ostili kontra Iżrael. Huma komplew li l-vittmi tal-attakk kienu kollha ‘militanti u terroristi’ waqt li ċaħdu li huma kienu qed jimmiraw għaz-zoni ffullati biċ-ċivili.

Il-qawwiet militari Iżraeljani qalu li fost il-mejtin kien hemm ‘terrorista ewlieni’ mal-grupp Jamaa Islamiya li kien il-moħħ wara kampanja armata kontra Iżrael. Qed jingħad ukoll li miegħu mietu oħrajn li kienu qed jappoġġjaw l-azzjonijiet ta’ terrur kontra l-ibliet u l-villaġġi tal-Iżraeljani.

L-isparaturi min-naħa tal-fruntiera għall-oħra saru ħaġa ta’ kuljum, b’Iżrael qed jiġġieled fuq żewġ fronti – kontra l-Ħeżbollah fil-Libanu, kif ukoll kontra t-terroristi tal-Ħamas fil-Medda ta’ Gaza.

L-aggressjoni mal-Ħeżbollah żdiedet fil-ġimgħat u x-xhur wara l-attakk tas-7 ta’ Ottubru mill-Ħamas fuq Iżrael, li kien ħalla l-mijiet ta’ Iżraeljani mejtin u midruba u li fetaħ għall-vjolenza tal-lum f’Gaza.

Il-moviment Ħeżbollah hu alleat tal-Ħamas, waqt li għandu wkoll rabtiet mill-qrib ħafna mar-reġim Iżlamiku fundamentalista tal-Iran, l-istess bħat-Tmexxija f’Tehran, il-Ħeżbollah hu wkoll impenjat ‘biex jara l-qerda ta’ Iżrael bħala Stat fil-Lvant Nofsani.