Lokali

L-EDITORJAL TAT-TIMES: “Fejnhom l-umiltà u l-umanità ta’ Abela?”

Ħafna huma mħassba li Robert Abela m’għandux l-umanità u l-umiltà neċessarji biex imexxi. Dan saħqu l-editur tal-ġurnal Times of Malta fil-ħarġa tat-Tlieta hekk kif insista li l-Prim Ministru Robert Abela, erba’ snin wara li ħa t-tmexxija tal-pajjiż, għadu qed jirraġuna u jaħseb ta’ avukat minflok ta’ politiku u mexxej ta’ pajjiż – bl-aġir tiegħu juri kif jaħsibha dwar il-governanza, is-solidarjetà soċjali u l-ġustizzja.

Fl-editorjal intqal kif Abela qed jibqa’ jirrifjuta li jagħmel apoloġija wara li nstab li kiser l-etika fuq sempliċi reklam fuq Facebook; hekk kif il-Kummissarju tal-Istandards talbu jiskuża ruħu u b’hekk kien jagħlaq il-każ hemm.

Episodju simili kien seħħ mal-Ministru Clyde Caruana – li dan tal-aħħar kien aċċetta u għamel apoloġija. Madanakollu l-Prim Ministru baqa’ jsabbat saqajh u saħansitra xeħet il-ħtija fuq il-persuni li pproduċew il-filmat …minflok refa’ responsabbiltà.

Dan filwaqt li fil-każ tal-inkjesta ta’ Jean Paul Sofia …l-editur iddeskriviha bħala ‘MasterClass’ ta’ kif m’għandekx tagħmel l-affarijiet – fatt li wera kemm il-Prim Ministru huwa maqtugħ mill-empatija man-nies.

Minkejja l-għajta ta’ poplu sħiħ, Abela kien baqa’ jirraġuna ta’ Avukat – iżda kien sfurzat jagħmel u-turn wara li eluf ta’ persuni ħonqu Pjazza Kastilja biex jipprotestaw.

L-editur jisħaq li anke fil-każ ta’ Miriam Pace, Abela kien iddeċieda li jimxi b’moħħ legali ta’ avukat u mhux wieħed ta’ Prim Ministru empatetiku li jħoss il-polz tan-nies – l-istess fejn tidħol l-immigrazzjoni bl-editur jisħaq li tul dawn is-snin Robert Abela wera insensittività kbira. Insensittività li saħansitra diversi Deputati Laburisti jisħqu li għandhom jimxu u jaħdmu bl-emozzjoni u mhux b’moħħ legali biss.

L-editur itemm jgħid li filwaqt li ma jkunx ġust li jiddeskrivi lil Abela bla qalb – huwa minnu li għandu bżonn jara x’inhuma l-prijoritajiet tiegħu, u jara li jġib il-kompassjoni u l-umiltà qabel kollox.