Ħafna qed jagħżlu li jibqgħu reqdin quddiem ir-realtajiet ta’ pajjiżna. Dan kien is-sentiment espress fil-protesta li saret mill-għalliema tal-MCAST l-Erbgħa filgħodu. Numru ta’ edukaturi nġabru b’solidarjetà mal-lettur li safa aggredit minn student fl-20 ta’ Marzu waqt lezzjoni fl-MCAST stess.
Net News kien preżenti għal din il-protesta, u tkellem mal-President tal-MUT, Marco Bonnici, illi stqarr li din il-protesta saret għaliex din kienet biss waħda minn sensiela ta’ aggressjonijiet li esperjenzaw l-għalliema fl-iskejjel Maltin u Għawdxin.
Fil-kumment tiegħu, il-President tal-MUT spjega kif pajjiżna għadu kif kellu studju li jispjega li ż-żgħażagħ Maltin huma l-iżjed mdejqin f’art twelidhom fl-Ewropa. Huwa għalhekk li dan ma jistax jiġi injorat.
Marco Bonnici semma’ numru ta’ raġunijiet li jista’ jkun li jwasslu biex ż-żgħażagħ jispiċċaw mdejqin f’pajjiżna; fosthom l-aċċess faċli għal sustanzi li wħud minnhom ġew legalizzati, kif ukoll l-alkoħol u l-logħob tal-azzard.
Semma’ wkoll li ninsabu f’sitwazzjoni fejn timxi skont lil min taf ….u mhux skont il-ħiliet li għandek u kemm taf skola. Filwaqt li insista li rridu nħarsu ‘l barra mill-ambjent akkademiku – u naraw il-formazzjoni sħiħa tat-tfal u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
Huwa insista li kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu sabiex aggressjonijiet bħal dawn ma jerġgħux isiru.
NetNews tkellem ukoll ma’ għalliem fl-MCAST, li kompla ma’ dak li stqarr Marco Bonnici fejn anke tkellem fuq id-diffikultajiet varji li qed jaffaċjaw, fosthom in-nuqqas ta’ sigurtà, l-użu tal-mobiles fil-klassi, u l-alkoħol eċċessiv.
//= $special ?>