Lokali

LifeCycle (Malta) Foundation tfakkar il-Jum Dinji tal-Kliewi b’donazzjoni lir-Renal Unit tal-Isptar Mater Dei

Il-LifeCycle (Malta) Foundation fakkret il-Jum Dinji tal-Kliewi 2024 bi żjara sinifikanti fir-Renal Unit fl-Isptar Mater Dei, fejn ippreżentat donazzjoni b’risq pazjenti li qed jiġġieldu l-mard tal-kliewi.

Il-LifeCycle (Malta) Foundation taħdem flimkien u tappoġġja kontinwament lir-Renal Unit fir-rwol indispensabbli tagħha biex tipprovdi kura medika lill-individwi li qed jaffaċċjaw kundizzjonijiet relatati mal-kliewi, u tirrikonoxxi l-isforzi bla heda tal-professjonisti fil-kura tas-saħħa filwaqt li tagħti ġieħ lir-reżiljenza ta’ dawk li jkunu għaddejjin mit-trattament mediku.

Din id-donazzjoni se tmur direttament biex tiffinanzja t-tħaddim tas-software Traccia li jtejjeb l-effiċjenza tat-trapjant tal-kliewi billi tippermetti l-aħjar kompatibbiltà possibbli bejn il-pazjent u d-donatur u żżid ir-rati ta’ suċċess. Dan is-software jiffaċilita l-analiżi tad-data billi jaħżen l-informazzjoni klinika tal-pazjenti tal-kliewi u jissimplifika l-proċess tal-analiżi tad-data. Barra minn hekk, isaħħaħ ukoll il-probabbiltà tat-tqabbil tal-pazjenti li qed jistennew trapjant tal-kliewi mal-organi disponibbli.

Iċ-ċekk ta’ €10,000 ġie ppreżentat mill-Fundatur u ċ-Chairman tal-LifeCycle (Malta) Foundation, Alan Curry, lil Paul Calleja, Lead Charge Nurse u Transplant Coordinator fir-Renal Unit.

F’kumment tal-okkażjoni, Alan Curry stqarr: “Pazjenti li jbatu minn mard tal-kliewi jiddependu fuq il-kura speċjalizzata ħafna li tingħata fi ħdan ir-Renal Unit. Minbarra li jqattgħu għadd ta’ sigħat jirċievu trattament mediku, din l-unità tirrappreżenta l-unika triq tagħhom biex jirċievu trapjant tal-kliewi li jaħdem b’suċċess, u li konsegwentement jelimina l-ħtieġa għad-dijalisi, u jwassal għal ħajja itwal u kwalità ta’ ħajja aħjar. Għalhekk huwa loġiku li r-Renal Unit hija waħda mill-ogħla prijoritajiet tagħna fl-ekosistema lokali ddedikata għall-kura tal-pazjenti b’mard tal-kliewi.”

Donazzjonijiet lil-LifeCycle (Malta) Foundation jistgħu jsiru permezz ta’ Revolut fuq 9932 9101, permezz tal-link tal-PayPal: https://buff.ly/35g17CC jew permezz ta’ SMS: 5061 7370 għal donazzjoni ta’ €2.33; 5061 8920 għal €6.99; 5061 9229 għal €11.65; jew telefonata fuq in-numru 5160 2020 għal donazzjoni ta’ €10; 5170 2005 għal €15; u 5180 2006 għal €25.