Lokali Qorti

Miċħuda kawża dwar ksur tad-drittijiet fundamentali fil-konfront ta’ Christian Borg

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha, iddikjarat li ma nkisru l-ebda drittijiet fundamentali fil-konfront ta’ Christian Borg dwar it-tneħħija tal-liċenzja tiegħu b’rabta mal-għadd kbir ta’ karozzi tal-kiri li huwa jiġġestixxi.

Borg kien beda proċeduri fil-Qorti minħabba l-fatt li tteħditlu l-liċenzja tiegħu li jħaddem servizz ta’ kiri ta’ karozzi. Christian Borg, li huwa magħruf sew mal-Pulizija, reġa’ ma ngħatax raġun mill-Qorti. Huwa għadu għaddej proċeduri fuq allegat każ ta’ ħtif ta’ persuna kontra l-volontà tagħha u diġa’ nstab ħati mill-Qorti li kien qed juża prattiċi kummerċjali qarrieqa u frawdolenti billi ġiegħel lill-klijenti jiffirmaw kuntratti b’kundizzjonijiet sfavorevoli meta jixtru karozzi użati.

Christian Borg – ħabib tal-Prim Ministru Robert Abela – kemm-il darba kien fl-aħbarijiet permezz tal-kumpanija tiegħu No Deposit Cars Malta. Fuq il-każ tal-ħtif ta’ persuna, qed jiġi akkużat flimkien ma’ grupp ta’ sitt persuni, li ħatfu raġel f’Jannar tal-202 u li heddewh li jistupraw lil oħtu. Borg qed ikun akkużat ukoll b’ħasil ta’ flus u xiri ta’ drogi fuq id-‘dark web’ permezz tal-cryptocurrency.

Borg fetaħ każ fil-Qorti fejn qal li bla ma kien jaf, itteħditlu l-liċenzja provviżorja tiegħu tas-sewqan u bdew jiżdiedu l-punti kull darba li vetturi mikrijin mill-ażjenda mmexxija minnu kienu jitwettqu kontravenzjonijiet bi ksur tar-Regolamenti dwar il-Liċenzji għas-Sewqan ta’ Vetturi bil-Mutur, minkejja li l-vetturi jkunu nstaqu minn ħaddieħor li lilhom ikun kera.

Il-kawża nfetħet kontra l-Avukat Ġenerali, l-Avukat tal-Istat u Transport Malta. Il-każ instema’ mill-Imħallef Joseph R. Micallef. Il-Qorti sabet li ma kellhiex tittieħed azzjoni kontra l-Avukat Ġenerali, imma li l-Awtorità tat-Trasport kienet, u għalhekk kellha twieġeb għall-ilmenti ta’ ksur ta’ jeddijiet ta’ Borg.

Filwaqt li ħelset lill-istess Avukat Ġenerali mill-ħarsien tal-ġudizzju, mill-fatti li joħorġu jirriżulta li Borg kien liċenzjat biex imexxi servizz ta’ kiri ta’ vetturi, u li l-imsemmi negozju jgħodd fih mat-38 vettura privata personali tiegħu u 746 vettura li jinkrew, u kollha kemm huma liċenzjati mal-Awtorità tat-Trasport.

F’dan ir-rigward, Borg igawdi minn liċenzja li tissejjaħ “public service garage licence.” Huwa kien ingħata l-liċenzja tas-sewqan fl-2011 malli għalaq it-18-il sena bil-kundizzjoni li, fi żmien tliet snin mill-għoti tagħha, ma jeħilx aktar minn 12-il punt ta’ penali .

Wara li kiseb il-liċenzja tas-sewqan, talab u kiseb il-permessi biex jibda jħaddem in-negozju tal-kiri tal-karozzi fl-2012. Bit-tħaddim tar-Regolamenti fis-seħħ, kull kontravenzjoni li saret minn sewwieqa li krew vetturi mingħandu kien jitgħabba biha hu.

Sa nofs is-sena 2016, fuq ismu kienu twaħħlu mijiet ta’ punti penali minħabba kontravenzjonijiet imwettqa minn vetturi liċenzjati f’ismu, minkejja li ma kien involut fl-ebda kontravenzjoni personalment. Borg qal li kien iħallas numru mill-kontravenzjonijiet li kienu jaslu bla ma jikkontestahom.

Huwa qal li “ħafna drabi jkun inutli għalija li nikkontesta l-kontravenzjonijiet illi jinħarġu fir-rigward tiegħi, u dan għaliex il-maġġoranza tal-klijentela tiegħi huma barranin u jkunu diġà telqu lura lejn pajjiżhom”. Mill-provi rriżulta li 67 kontravenzjoni minn vetturi reġistrati fuq Borg bejn Settembru tal-2011 u Jannar tal-2016, kienu rtirati wara li tressqu quddiem il-Bord tal-Petizzjonijiet fl-2013.

L-Awtorità tat-Trasport bagħtet tgħarrfu li kienet se tirtira l-liċenzja tiegħu tas-sewqan minħabba li kiser il-kundizzjoni li taħtha ngħatatlu, dwar l-għadd ta’ punti penali, u li kellu jerġa’ joqgħod għall-eżami tas-sewqan u l-ħruġ ta’ liċenza ġdida tas-sewqan

Hu kien kiteb dwar dan lill-Awtorità  permezz ta’ avukat biex jitlobha tagħtih rimedju għall-problema li kien fiha minħabba li dak li ġara ma kienx ħtija tiegħu. Wara, Borg bagħat ittra uffiċjali lill-Awtorità biex iżommha milli tħassarlu l-liċenzja tas-sewqan u biex toħroġlu liċenzja ta’ sewqan permanenti.

B’ittra uffiċjali mibgħuta lilu, l-Awtorità ma qablitx. Borg imbagħad nieda proċeduri kontra l-Awtorità tat-Trasport quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva biex jattakka d-deċiżjoni meħuda minnha kontrih.

Fil-5 ta’ Lulju, 2016, fetaħ kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili  li għażel li ma jinqediex bir-rimedji li l-Qorti tqis li l-ilment tiegħu f’dan ir-rigward jirrigwarda l-aspett ta’ aċċess effettiv għall-Qorti, aktar milli ħaġ’oħra marbuta mal-kontinġenzi l-oħrajn imsemmija fid-dispożizzjonijiet relattivi tal-Kostituzzjoni u tal-Konvenzjoni.

Qatt ma ta każ

Il-Qorti qalet li, sa minn meta fetaħ in-negozju tiegħu b’rabta ma’ kiri ta’ vetturi, Borg minn dejjem kellu għadd imdaqqas ta’ vetturi taħt il-kontroll tiegħu u l-problemi ta’ kontravenzjonijiet marbuta ma’ vetturi li jkunu nkrew lil terzi ma kinux marbutin biss mas-sistema tal-punti.

Mill-provi ħareġ li l-Awtorità kienet bagħtet għalih fl-2012 biex jirregolarizza u jekk ikun il-każ, jispjega l-qagħda, u ma ma tax każ u ma marx. Kien minħabba f’hekk li l-liċenzja tiegħu kienet revokata. Irriżulta wkoll li, f’bosta każijiet, huwa kien inqeda bir-rimedju tal-petizzjonijiet u f’għadd ta’ każijiet, il-kontravenzjonijiet kienu twaqqgħu.

Ir-rimedju tal-petizzjonijiet huwa wieħed statutorju li tnieda snin qabel ma’ Borg kellu l-ewwel liċenzja tas-sewqan u li għalhekk ikopri ż-żmien kollu li hu jilmenta minnu f’din il-kawża. Il-Qorti qalet li għandha taqbel mal-Awtorità tat-Trasport meta targumenta li, fil-qadi ta’ dan ir-rimedju Borg ma kienx hemm għalfejn jidher personalment, imma seta’ jqabbad persuna tidher għalih bla xkiel ta’ xejn.

Minbarra dan, mill-bosta provi dokumentali li tressqu għall-eżami tal-Qorti, irriżulta wkoll li kien hemm okkażjonijiet fejn Borg deher quddiem it-Tribunal partikolari u seħħlu jwaqqa’ l-akkużi u jkun liberat minnhom.

Fi kliem ieħor, Borg kellu jinqeda b’rimedji li l-liġi kienet tagħtih, minkejja li jgħid li ma kellux il-mezz li jressaq xhieda u provi, u fl-ebda waqt ma kien imċaħħad minn aċċess għal xi qorti jew tribunal biex jiddefendi l-każ tiegħu.

Fit-tielet lok, jidher li d-diffikultajiet li Borg qiegħed isemmi biex juri li ma kellux aċċess effettiv għal proċess mistħoqq, kienu diffikultajiet maħluqa min-nuqqas ta’ organizzazzjoni tat-tmexxija tan-negozju tiegħu.

B’dak l-għadd kbir ta’ vetturi reġistrati fuq ismu, ukoll qabel l-2017, hu kellu jieħu ħsieb joħloq sistemi ta’ kontroll intern li jgħinuh u jħarsuh mill-effetti tas-sistema tal-punti li kienet iddaħħlet sa minn bosta snin qabel mhuwa nnifsu kiseb il-liċenzja tas-sewqan l-ewwel darba u li huwa kien ta’ bilfors jaf biha.

Fir-raba’ lok, kif jistqarr huwa stess, waqt din il-kawża r-Regolamenti nbidlu u żiedu l-effettività ta’ rimedji għal persuni kollha li jsibu rwieħhom fil-qagħda li kien fiha hu. Il-Qorti qalet li temmen li l-jedd ta’ aċċess għal qorti jew tribunal bħala attribut tal-jedd għal smigħ xieraq, ikun sodisfatt jekk jista’ jingħata lil persuna bħal dik rimedju taħt il-liġijiet fis-seħħ, ukoll jekk dak ir-rimedju jista’ jkun ċirkoskritt jew regolat b’dispożizzjonijiet oħra tal-liġi.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tasal għall-fehma li Borg ma ġarrab l-ebda ksur tal-jedd tiegħu għal smigħ xieraq, kemm taħt il-Kostituzzjoni u kif ukoll taħt il-Konvenzjoni, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal qorti.

Il-Qorti qalet li hija tal-fehma, għalhekk, li r-rikorrent ma weriex li ġarrab ksur lanqas ta’ dan il-jedd u għalhekk issib li lanqas dan l-ilment mhuwa mistħoqq. Il-Qorti qalet li fid-dawl ta’ dan kollu, qed tiċħad kull tabla ta’ Borg u tordnalu jħallas l-ispejjeż tal-kawża.